Tiskanta kemm għad hawn boloħ li jaħsbu li darba waħda pajjiżna kien għaddej mill-aqwa żmien u li kien biss bis-saħħa tal-eżaġerazzjonijiet ta’ dawk is-segwaċi fanatiċi kollha ta’ Daphne li dan iż-żmien ġie fi tmiemu qabel il-waqt. Mhux bi ħsiebni noqgħod nidħol f’dibattitu morali dwar l-għażla li hemm bejn il-kilba għall-flus u l-insistenza fuq it-twettiq tas-sewwa u tal-ġustizzja, jkunu x’ikunu l-konsegwenzi. Mhux għax jien ma nafx l-għażla tiegħi x’għandha tkun. Iżda lir-rgħiba, tgħidlihom x’tgħidilhom, ma tkun tista’ tikkonvinċihom b’xejn.

Li jiskantani u li jnixxifni m’huwiex li dawn in-nies xtaqu li l-mewt ta’ Daphne tintnesa’ u titfarfar taħt it-tapit biex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu nixxalaw u ngawdu x-xaħam ġej mill-kriminalità. Jiskantani u jnixxifni l-fatt li dawn in-nies kien mingħalihom li fil-fatt eżista l-aqwa żmien u li kien ser imisshom xi sehem minnu.

Il-bieraħ The Shift News xandar rapport li żvela li Yorgen Fenech u Konrad Mizzi kienu ddeċidew li jiffrankaw lill-Electrogas €40 miljun f’taxxi tas-sisa dovuti lid-dwana fuq l-importazzjoni ta’ żjut. Din l-ispiża spiċċat biex laqqtitha l-Enemalta, jiġifieri spiċċat biex ittieħdet minn bwiet il-poplu Malti biex b’hekk Yorgen Fenech u sħabu fin-negozju jkunu jistgħu jaqilgħu €40 miljun fuq ir-riħ.

Dak li seħħ ma kienx normali. M’għandniex xi ngħidu, kulħadd jippreferi li jżomm f’butu il-qliegħ li jkollu mingħajr il-ħtieġa ta’ ħlas ta’ taxxi. Kull kuntratt li jsir mal-gvern ikun jista’ jħalli profitt akbar kemm il-darba ma titħallasx taxxa fuq il-materja prima li tiġi mpurtata biex jingħata servizz lill-gvern. U l-impjegati tal-gvern jispiċċaw b’aktar flus fil-but li kieku mill-paga ma titnaqqsilhomx direttament it-taxxa dovuta mill-istess gvern li jimpjegahom.

The Shift News żvelat li e-mails li għandha f’idejha juru din id-deċiżjoni li tiġi ffrankata t-taxxa lill-Electrogas seħħet wara battalja qalila li damet għaddejja xhur sħaħ. Dan ma kienx parti mill-proċess tal-offerti. Fatt li ma jistax ħlief ifisser li min kien bi ħsiebu li jagħmel offerta lill-Enemalta, fl-istess żmien li kienet għamlet offerta l-Electrogas, ma kienx jaf li l-ispiża kienet ser tkun ta’ €40 miljun inqas mill-kalkoli li għamlu meta kellha tittieħed in konsiderazzjoni t-taxxa dovuta fuq iż-żjut. Deċiżjoni bħal dik li ttieħdet wara li l-proċess tal-offerti ġie fi tmiemu kienet waħda inġusta u llegali u, fit-teorija, min m’huwiex midħla jew ħabib ta’ Konrad Mizzi li seta’ għamel offerta għall-kuntratt tal-enerġija, seta’ wkoll jiftaħ kawża fil-qorti.

Id-deċiżjoni li permezz tagħha is-somma ta’ €40 miljun ġiet iffrankata f’taxxa kienet waħda llegali għaliex tammonta għal state aid jiġifieri għajnuna mill-istat. Għal xi raġuni, il-Kummissjoni Ewropea kienet iddeċidiet li l-garanzija ta’ €360 miljun li kien għamel il-gvern ma kienitx illegali u ma tammontax għal għajnuna mill-istat. Għandi għalxiex nissuspetta li, wara li nkixfu tant borom dwar l-Electrogas, li kieku l-Kummissjoni Ewropea kellha terġa tittratta l-każ, il-konklużjoni tagħha tkun waħda differenti. M’hemm assolutament ebda mod kif il-Kummissjoni Ewropea setgħet taċċetta li jiġi ffrankat il-ħlas ta’ taxxi lil kumpannija privata li ta’ bilfors kellha tikkompeti f’proċess ta’ kuntratt bl-offerti mal-Ewropa kollha.

Ftit jiem qabel The Shift News kixfet din l-istorja fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne, Alfred Camilleri stqarr li l-Enemalta kienet tgħabbiet hi bl-ispiża ta’ €5 miljun fi ħlas ta’ taxxa dovuti mill-Electrogas. Dan seħħ minħabba xi sottovalutar u minħabba xi nuqqas ta’ trasparenza fl-imġieba tal-gvern? Jew inkella kien riżultat ta’ attentat biex jitgħattew ix-xtur?

Agħtu daqqa t’għajn lejn il-kitba li ġejja ta’ Matthew Caruana Galizia.

Dawk ir-rgħiba kollha tgħid issa ser jiftħu għajnejhom u jibdew  jifhmu li kienu qed jinsterqu f’wiċċhom u li l-assassinju ta’ Daphne kien meħtieġ biex jitgħatta l-ħmieġ u l-inkallar? Tgħid ser jibdew jifhmu li ma jistax jitkattar il-ġid fil-pajjiż kemm il-darba miljuni kbar jibqgħu jinsterqu mill-ftit?

Jekk ma jitwaqqafx il-kuntratt tal-Electrogas, is-serq ser jibqa’ għaddej. Għadna qed ninsterqu tal-ġurnata mqaddsa tal-lum u anki jekk – għalissa – Yorgen Fenech innifsu ma jistax igawdi l-frott ta’ dan id-delitt kriminali, l-familja tiegħu u l-familji ta’ sħabu fin-negozju – jiġifieri l-familji Gasan u Apap Bologna, kif ukoll is-Siemens u s-Socar – ser jibqgħu jisirqu l-flus minn bwietna kull darba li nħallsu kont tad-dawl.

Għalissa l-mezzi tax-xandir tawna l-opportunità li nagħtu daqqa t’għajn ħafifa lejn il-provi. Fi ġranet li ġejjin, dawn il-provi ser jitressqu fil-qorti fil-każ li qed jagħmel l-istat kontra Yorgen Fenech. Din l-istorja m’hix biss dwar l-ikla ħabs li mistenni li jiekol Yorgen Fenech. Hi wkoll dwar it-twaqqif tas-serq li wettaq. Jeħtieġ li titwaqqaf ħesrem ix-xmara ta’ miljuni dieħla fi bwiet dawn il-qabda ħallelin. Dawn setgħu kellhom jew seta’ ma kellhomx x’jaqsmu mal-assassinju ta’ Daphne. Iżda l-verità hi li għadhom sal-lum igawdu – saħansitra anki dawk ir-rgħiba li għadhom tal-fehma li l-assassinju ta’ Daphne għandu jintnesa’ u jindifen.

Jekk ikun irid, il-gvern jista’ jibda’ t-triq tal-fidwa tiegħu billi jħassar il-kuntratt tal-Electrogas minħabba l-fatt li dan kien ingħata bis-saħħa tar-relazzjoni korrotta li kien hemm bejn Yorgen Fenech u Konrad Mizzi u Yorgen Fenech u dawk li kienu qaqoċċa magħhom, jiġifieri Keith Schembri u Joseph Muscat.

Ma naħsibx li l-gvern ser jaqbad din it-triq.

Hekk kif jitressqu l-provi fil-qorti, sta għalina ċ-ċittadini li qed inħallsu l-kontijiet tad-dawl bil-għoli biex nieħdu passi legali biex jitħassar il-kuntratt.

Dan ser nagħmluh anki għal wiċċ dawk li għadhom maħkumin minn nostalġija għaż-żmien ta’ Joseph Muscat.