Il-gvern qed jgħaġġel biex iwaqqaf monument għal Oliver Friggieri. Hemm xi ħaġa perversa f’dan. Oliver Friggieri ma kienx kritiku fil-pubbliku għar-reġim ta’ Joseph Muscat u Robert Abela. Aktarx dan kien minħabba kien irtira mill-ħajja pubblika fl-aħħar snin tiegħu. Iżda dan l-aħħar xi ħadd għaddhieli dan ir-ritratt bit-titli minn diskors li kien ta fl-1981 bħala mistieden tal-Partit Nazzjonalista.

Qamitli l-kurżità. It-temi huma friski u topiżi u mkebbsa b’nar li tistenna li l-gvern ikun irid jitfi, mhux iwaqqaflu monument. Fittixt id-diskors, pubblikat erbgħin sena ilu mill-fergħa tal-PN li dakinhar kellha x-xogħol tiġbed il-klassijiet tal-ħaddiema. Il-premju “ħaddiem tas-sena” kien twaqqaf mill-PN għal dan l-għan. Imma imkien ma tidher artikolata aħjar il-missjoni tal-PN li xxejjen il-mitoloġija li hu xi partit elitista minn f’dan id-diskors ta’ Oliver Friggieri. F’xi aspetti, dan hu diskors ta’ żmienu. Il-kelma “Ħaddiem” hi ħafna anqas politika llum milli kienet dakinhar. Il-“klassijiet” ma jispjegawx tant tajjeb x’jiġri ħażin fis-soċjetà tagħna. Dan hu diskors li sar fi żmienu, meta l-partiti taċ-ċentru-xellug (bħall-PN) ried jipperswadu lill-mases li setgħu jirrapreżentawhom aħjar mill-ħakkiema tal-purtiera tal-ħadid li kienu jsejjħu lilhom infushom ‘soċjalisti’. Id-diskors msawwar fin-nirien tat-tarzni ta’ Gdansk, jiċħad is-soċjaliżmu tal-ħnieżer Orwelljani li jorqdu f’sodod bla lożor, iqim il-Kattoliċiżmu, u jsejjaħ għall-protesta, id-diżubbidjenza ċivili, u saħansitra l-objezzjoni kuxjenzjuża għal-liġijiet immorali.

Imma dan id-diskors mhux xi tifkira tal-imgħoddi. Ibdel il-kelma “Ħaddiem” ma’ “Ċittadin”, u ġedded id-dehra tal-kilba tal-kriminali ħakkiema korrotti tal-lum, u l-argument hu ċar u jinstema’ b’immedjatezza urġenti. It-twiddib ta’ Oliver Friggieri lill-“ħaddiem” tal-1981, jinstema’ ċar f’widnejna: imċaħħda mix-xandir, maqsumin bejnietna bejn min jaħseb u min jisma’, adoraturi t’allat foloz, leali lejn politiċi li jeħdulna biex ituna ħalli nibqgħulhom obbligati.

Waqt li l-gvern ta’ Robert Abela jaħtaf il-memorja ta’ Oliver Friggieri, jadottah bħala simbolu bla togħma, kompjaċenti, ta’ għaqda nazzjonali li takkomoda ċ-ċens perpetwu fuq il-ħakma tagħna, jien nippreferi niftakru hekk: wiewaqm, wiċċ imb’wiċċ mat-tirann Dom Mintoff, konfrontazzjoni drammatika bejn fejn naħa waħda, dak li jsejjaħ lilu nnifsu salvatur, vjlenti, ipokrita, inkonsistenti, diżonet u li jistmerr lin-nies li jmexxi, u fuq l-oħra intellettwali b’leħnu baxx, armat bil-beraq ta’ ħsibijietu u b’sengħa tal-kelma li tkellem lit-tiranni ta’ kull żmien. Oliver Friggieri ma’ jibżaz mill-poteri. Il-poter jibża’ minnu. Ma jistħix mill-poter. Il-poter jistħi minnu. “II-poter hu marda oħra, hu ħalba xita li tieqaf, hu sħaba li tgħaddi.”

Nittama li tieħdu pjaċir daqs kemm ħadd jien.

L-ASSEDJU TAL-ĦADDIEM

(Diskors ta’ Oliver Friggieri, 30 ta’ April 1981)

X’m’huwiex il-Ħaddiem? lI-Ħaddiem m’huwiex tapit, m’huwiex ġugarell, m’huwiex pupu li joqgħod kif tqiegħdu, m’huwiex kartellun li tagħmel il-propaganda bih. Imma l-Ħaddiem jista’ jkun tapit, jew ġugarell, jew pupu, jew kartellun, jew lkolI f’daqqa – jekk irid hu, jekk ma jgħidx le. F’Malta dan sar, qiegħed isir u jibqa’ jsir, jekk il-Ħaddiem ma jintebaħx u jħares fil-mera u jgħid jien m’għadnix tifel, jien adult daqs dawk tal-poter, aħjar minnhom għax għadni ma tħammiġtx, aqwa minnhom għaliex mingħajri n-nazzjon ma jimxix, u mingħajrhom jimxi, u jimxi aħjar.

Hawn min għandu d-delizzju li jitkellem fuq il-Ħaddiem, bħalma hawn min għandu d-delizzju li jrabbi l-kaktus u jġemma’ l-bolol. U l-Ħaddiem, qisu qasrija tal-kaktus jew bolla użata, jispiċċa oġġett fil-kollezzjoni tal-gosti kapriċċużi. Fuq il-Ħaddiem għandu jitkellem il-Ħaddiem. Il-Ħaddiem għandu moħħ, għandu ħaIq – ħalluħ jaħseb b’moħħu, ħalluħ jitkellem b’ħalqu! Min m’hux ħaddiem jew ma jgħixx bħall­-Ħaddiem m’għandux għalfejn jitkellem fuq il-Ħaddiem. Jagħmel tajjeb is-sinjur jekk jitkellem favur il-Ħaddiem, favur iż-żgħir u l-fqir, iżda s-sinjur Ii jagħmel hekk għandu jifhem li qiegħed jitkellem direttament kontra tiegħu nniffsu. Jekk huwa s-sinjur li jikkawża ‘l-faqar, huwa l-istess sinjur li jitkellem favur il-Ħaddiema li qiegħed jikkawża t-tbatija. Tabib, fejjaq lilek innifsek!

Tradizzjonalrment il-kotra tal-poplu tmexxiet minn klassi għolja finanzjarjarment, u aktarx fqira intellettwalment. Hekk kien fl-imgħoddi, u hekk għadu. Barranija jew Maltija, il­-klassi li għax għandha l-flus tista’ taħkem fuq min m’għandux hi I-klassi li ma tagħmilx għajb, lill-granmastri, lill-inkwiżituri, lill-gvernaturi. Tbiddlet in-nazzjonalità tagħhom, tbiddel isimhom, imma huma lkoll membri ta’ l-istess qatgħa. Huma jiddettaw, u l-ħaddiema, debboli, ubbidjenti, ibaxxu rashom u jċapċpu lkoll flimkien, għax hekk suppost. Ħaddiem, tistħi minn ħadd, tibża’ minn ħadd. Ħaddieħor għandu jistħi minnek, ħaddieħor għandu jibża’ minnek! M’intix agħar mill-poter, inti aqwa mill-poter!

Poplu li dera jbaxxi rasu għal sekli sħaħ hu poplu li għadu jbaxxi rasu llum ukoll. Ma marritx il-mentalità ta’ min jifraħ bil-loqma li jitfagħlu min jiekol ħobża sħiħa. Din l-istess klassi “għolja”, tal-poter, taħseb li l-Ħaddiem hu kelb ta’ ħdejn il­-mejda Ii jferfer denbu, iħares ‘il fuq u jistenna l-frak! Il-frak taċċettahx jekk ħaddieħor ma jlaqqattx il-frak miegħek! M’intix inqas mill-poter! Il-poter bnejtu int u għandu jkun f’idejk. Meta l-Ħaddiem jifhem li m’huwiex ġugarell għall-bejgħ fis-suq tal-popolarità, u meta jqis lilu nnifsu bħala l-aqwa awtorità dwar il-qagħda tiegħu nnifsu, l-arroganza kummerċjali tal-ħakma ta’ min-mhux-Ħaddiem tidher kif inhi, u l-Ħaddiem jibda jqis lilu nnifsu kif imissu: aġent sħiħ tiegħu nnifsu, padrun u mhux seftur tal-pajjiż, mhux strument f’idejn sperimentatur, mhux ġugarell f’idejn adulti li baqgħu tfal.

IL-ĦADDIEMA KOLLHA ID F’ID

M’hemmx Ħaddiema Nazzjonalisti u Ħaddiema Laburisti ħlief fil-moħħ tat-tradituri tagħhom. Hemm biss Ħaddiema f’qagħda ċara ħafna: impjegati b’kuntratt ta’ xogħol, li huma sħab, nies bl-istess interessi. Il-poter, meta jitlef is-sens tal­-ħtija, jaqbillu jaqsam. Ħaddiema maqsuma bejniethom huma Ħaddiema sfruttati, bil-prezz fuq sidirhom, mibjugħa fis-suq. Jekk l-istat iħaddem, allura hu employer, u l-interessi tiegħu ma jistgħux ikunu dejjem u fuq kollox l-interessi tal-Ħaddiema. Iridu jkunu l-Ħaddiema li jitkellmu u jikkmandaw, u mhux jisimgħu u jobdu. L-ewwel pass fil-qawmien veru tal-Ħaddiem għad irid isir, u jrid jibda meta jintremew it-tikketti li qegħdin jifirdu apposta, sistematikament, lill-aħwa fuq il-bank tax-xogħol biex jifxluhom, idgħajfuhom, jiżolawhom, jikkundizzjonawhom u jwassluhom biex jifhmu għażla ħafifa u viljakka ħafna: “jew tobdi jew tisfaxxa.” U min irid jisfaxxa? Imma min għandu jobdi? Aħmar jew blù, isfar jew griż, il-Ħaddiem hu Ħaddiem bil-kulur tal-ġilda biss. Kull kulur ieħor hu razziżmu. Kull qasma li ssir tkun saret b’kapriċċ, bħall-ħruq ta’ Ruma minn Neruni, għall-gost tal-glorja staġunali tal-poter Ii jieħu pjaċir jittawwal mill-gallerija tat-tafal tiegħu. Tkun saret bil-pjan li ġġelled lir-raġel mal-mara, lill­-għarus mal-għarusa, lill-aħwa bejniethom, biex tfarrak is-solidarjetà, biex tirbaħ il-klassi għolja, sinjura li tiddetta. ll-poter għad m’hux f’idejn il-Ħaddiema għaliex sa issa dawn obdew, baxxew rashom, beżgħu. lbża’ mill-biża’, ħabib! Qabel ma jkun il-poter li jobdi, u l-Ħaddiem li jikkmanda, ejjew ma noħolmux li l-Ħaddiem m’għadux seftur, m’għadux il-ħmar tas-sienja li jdur u jdur sa ma jistordi, kuntent li fl-aħħar jittrejjaq biex jerġa’ jdur u jdur. M’intix ħmar, tilqax karità, m’intix proprjetà privata ta’ ħaddieħor. Int sid tiegħek innifsek, minn fuq s’isfel!

Għalhekk ukoll l-interess politiku tal-Ħaddiema jmissu jkun interess f’ideat, fi strutturi ta’ għixien, u mhux f’kuluri li jbiddluhom apposta fi klieb u qtates bejniethom. Min irid mod ieħor irid jaqsam biex jirbaħ: bejn tnejn li jiġġieldu, jirbaħ it-tielet wieħed. U jekk dan il-kliem għandu ton ta’ akkuża kontra min jifred, iva, jien qed nakkuża ċar u tond! Fl-għaqda biss hemm is-saħħa, u trid tkun għaqda bejniethom u mhux mal-poter. Fil-firda hemm il-ħamrija għal min irid jilgħabha ta’ imperatur, ta’ dittatur ta’ folla li għax hi mansa jaħseb li se tibża’, tinsa, toqgħod, tobdi. M’huwiex ragħaj dak li jifred lin-ngħaġ bejniethom.

META GĦANDEK TIKSER IL-LIĠI

Ħaddiem, il-liġi hi ħaġa u l-ġustizzja hi ħaġa oħra. Mhux dejjem jiżżewġu flimkien. Meta tħoss tassew li m’għandekx tobdi, tobdix; l-ubbidjenza tista’ tkun dnub. ls-silenzju jista’ jkun dnub. Meta l-liġi hi inġusta, iksirha. Tista’ tikser il-liġi int ukoll, meta l-liġi u l-ġustizzja ma jaqblux. Il-liġi inġusta qiegħda hemm biex tinkiser minn min ma jridx jiċċappas biha. Hemm ġustizzja li hi ġusta – il-biljett tiegħek hu l-kuxjenza, mhux il-liġi li ma taqbilx mal-kuxjenza, u li tista’ titbiddell bħat-temp.

Jekk tassew illi l-weġgħa jħossha min hu muġugħ u mhux it-tabib, hekk ukoll il-ħtiġijiet tal-Ħaddiema jifhmuhom huma qalbel kulħadd, u jħossuhom huma u huma biss. Mela min jirrappreżenta lill-Ħaddiema għandu jkun kemm jista’ jkun bħall-Ħaddiema. U tkun bħall-Ħaddiema billi qabel xejn ­ tkun xi tkun il-professjoni tiegħek – ma taqlax wisq iżjed mill-Ħaddiema, ma tgħixx il-ħajja ta’ l-imperatur meta huma jgħixu fit-tbatija, ma tiddettax meta huma jobdu. Ma tistax tpejjep il-ħin kollu u tikkonvinċini ma npejjiipx. Ma tistax tiekol ħafna u tikkonvinċini nagħmel id-dieta. Ħadd, ħlief is-saħħâr, ma jagħti minn dak li m’għandux. L-eżempju jkaxkar, u l-kelma fiergħa tidħol minn widna u toħroġ dritt mill-oħra. Fatti, mhux kliem. Sinċerità, mhux wiċċ b’ieħor. Irġulija, mhux kolonjaliżmu ġdid. Sur mexxej tal-Ħaddiema, għix bħali ta’ Ħaddiem u nemmnek; jekk ma tridx tkun bħali, tiskomoda ruħek xejn. Int ma taf xejn mit-togħma qarsa tal-qamħ li niekol jien, u li mingħalik titmagħni int. Qatt bkejtha l-bikja tal-poplu? Qatt obdejt? Jekk le, irrapreżenta lill-klassi għanja tiegħek u tiskomodax ruħek minħabba fija.

Min jaħseb li l-Ħaddiem hu xi ibleh li jibla’ kollox jista’ jkollu raġun, u jista’ ma jkollux. lkollu raġun jekk il-Ħaddiem jiskot, jitwerwer malli jiġi biex jiftaħ ħalqu. B’dan il-mod il­-Ħaddiem ikun qiegħed ibiddel lilu nnifsu f’pedistall biex ħaddieħor jirkeb fuqu. lkun qiegħed jagħmel bħaż-żiemel tat-tiġrija li jistenna biss is-silla waqt li sidu jieħu l-unuri kollha. Minn ­naħa l-oħra, min jaħseb li l-Ħaddiem hu ibleh ma jkollux raġun jekk il-Ħaddiem jistma lilu nnifsu, jaħseb b’rasu u m’hux b’ras ħaddieħor, u jsemma leħnu kif irid, meta jrid, fejn irid, b’saħħtu kollha, bil-vuċi kollha, bl-irġulija u bid-determinazzjoni ta’ min jaf li jinsab fit-triq it-tajba. Il-ħalq qiegħed biex jinfetaħ – u mhux għall-ikel biss.

GĦAQDA BEJN L-ID U L-MOĦĦ

Din il-maturità tintilef jekk il-Ħaddiem ma jirraġunax skond x’jaħseb iżda skond x’jisma’, u ma jirraġunax b’moħħu iżda b’widnejh. U l-aqwa għodda hi l-qari, l-istudju. L-edukazzjoni hi dawl u għandha kmandament wieħed biss: “La Tiblax!” Malta teħtieġ Ħaddiema bil-ktieb f’idejhom, bil­-ktieb fil-but, bil-ktieb f’moħħhom. Hu l-ktieb li jwasslek biex minn tifla ssir mara, minn tifel issir raġel, minn strument f’idejn ħaddieħor issir persuna, sid tiegħek innifsek. lmbagħad, il-Ħaddiem bil-ktieb f’idu ħadd ma jiċċajta miegħu, ħadd ma jgħidlu li jkun is-sajf fl-eqqel tax-xitwa. Le, le, il­-Ħaddiem m’hux biljett tal-vot, m’hux forċina biex wieħed iżomm fuqha biex jitla’ u jagħmilha ta’ statwa. Quddiem Ħaddiem bħal dan, ħadd ma jirnexxilu jbigħ anki l-injoranza tiegħu, ħadd ma jippoża li jaf kollox, li jista’ kolllox, ħadd aktar ma jikkolonizza lill-Maltin f’Malta. Malta teħtieġ politiċi nodfa, irġiel, intelliġenti, mexxejja li ma jorbtux lill-Ħaddiema ma’ l-injoranza, li ma jaħsbux li l-poplu hu injorant bħalhom, li ma jbiddlux il-medjokrità f’kultura popolari, li ma jidentifikawx l-identità Maltija mal-banalità. Malta teħtieġ Parlament li hu differenti minn suq Persjan, teħtieġ Parlament li m’huwiex teatrin antikwat ta’ medjokrità u daħk fil-wiċċ. Malta teħtieġ l-adultezza, għax sabet biżżejjed lil min ibellagħha l-gażaża biex iżommha fil-benniena. Malta qed tmut bil-għatx għal politika ġdida, moderna, żagħżugħa, li l-ewwel tkun sinċiera, imbagħad sinċiera u fl-aħħar sinċiera. Malta teħtieġ idealisti, mhux opportunisti. Il-muftieħ jinsab biss f’idejn il­-Ħaddiema, folla ta’ mħuħ u mhux ta’ widnejn li jibilgħu f’indiġestjoni li m’hemmx li tgħaddi. Dak li jagħżel lill­-bniedem mill-annimali hu l-ħsieb. Meta bniedem ikun kuntent mingħajr ma jaħseb u jħaddem rasu, ikun kuntent bħall-annimal. Annimal kuntent. Hemm kuntentizza aħjar minn din, hemm xi ħaġa aħjar mill-prostituzzjoni.

U mal-kotba hemm il-gazzetti. Jeħtieġ li l-Ħaddiema jisimgħu l-qniepen kollha, jaqraw kulma jistgħu, jixtarru l-gazzetti kollha, b’nofs daħka, b’moħħ miftuħ beraħ. L-aqwa gazzetta hi l-ħsieb. Niddeċiedi hekk għax naħseb hekk, u mhux għax inti tridni naħseb hekk. U għaliex tridni naħseb hekk? Lilek min welldek aħjar minni? Minn fejn ġibtu dan il-klassiżmu antikwat? Naħseb kif irrid, għalhiex irrid, iżda naħseb dejjem bin-nhar u kull meta nistenbaħ bil-lejl. Dejjem. Fejn hemm Ħaddiema intelliġenti kulħadd, anki d-dittatur, ikollu jagħmel il-kontijiet magħhom. Fejn hemm Ħaddiema li jibżgħu jaħsbu, isir irkant sħiħ minn fuq daharhom, u jispiċċaw biex jieħdu pjaċir jinbiegħu. Le, le, ħabib, inti m’intix għall­-bejgħ, prezzek hu għoli, m’intix inqas minn ħaddieħor. Tintremiex għax tintrifes.

Għalhekk hu meħtieġ it-taħlit tal-Ħaddliema tal-moħħ mal­-Ħaddiema ta’ l-id. Jekk politiku jxerred l-injoranza, ejjew naħdmu aktar minnu u nxerrdu t-tagħlim, ejjew innaddfu fejn hu jħammeġ. Min żvilluppa moħħu aktar minn ħaddieħor għandu dmir morali gravi li jgħallem, idawwal lil min ma tgħallimx jew ma ħallewhx jitgħallem. Biex taħseb tajjeb, trid titgħallem taħseb tajjeb. U l-ħaddiema ta’ l-id, esperti f’oqsma oħra, igħinu lill-Ħaddiema tal-moħħ fil-ħwejjeġ fejn dawn ta’ l-aħħar ma jiifhmux. Id f’id, il-moħħ u l-id jimxu flimkien. Huma Ħaddiema differenti għax għandhom xogħol differenti, li iżda huma aħwa għaliex għandhom l-istess interessi. Huma differenti biss is-sinjuri mill-fqar, dawk li jiddettaw minn dawk li jobdu. Min jifred lill-Ħaddiema bejniethom skond it-tip ta’ xogħol li jagħmlu, u skond il-partit tagħhom ma jridx il-ġid tagħhom iżda l-ġid tiegħu nnifsu. Hu t-traditur tai-klassi tal-Ħaddiema. Dan hu s-sagrileġġ il-kbir li jsir f’isem il-fidwa waqt li hu sfruttament egoista. Min iġelled lill-aħwa bejniethom m’huwiex wieħed minnhom. Fl-­istess ħin, hu x’inhu x-xogħol – tal-moħħ u ta’ l-id – il-­ħsieb hu l-għodda taż-żewġ tipi ta’ Ħaddiema. Kull pass tajjeb isir bil-moħħ, bil-ħsieb li jmexxi kollox. Kull qerq isir meta l-moħħ jongħos. Il-ħalliel jisraq fid-dlam, u l-inju­ranza hi dlam. lbża’ mill-ideat!

Minbarra Alla l-imbierek, l-“allat” tal-Ħaddiema huma l-Ħaddiema nfushom, u huma t-tbatiijiet tagħhom, is-sagrifiċċji li jagħmlu biex iġanntu ħajjithom. Għalhekk l-“allat” tal­-Ħaddiema jitfittxu fis-sħab tal-maltemp u fid-duħħan tat-tniġġis jekk jitfittxu f’min ma jgħixx bħall-Ħaddiema, mal­-Ħaddiema, hawn isfel.

Kristu ma xerridx il-mibegħda u mbagħad għallimna nħobbu. Ma kienx sfruttatur u ppridkalna l-ġustizzja. Ma darx ma’ kull riħ u għallimna l-konsistenza. Ma kienx għani u qalilna nkunu fqar. Kristu qatt ma ħarab minn ħadd u minn xejn ħlief darba – meta riedu jagħtuh promozzjoni u jagħmluh sultan. Abbasso il-karriera mbagħbsa li tbiddel il-kuxjenza f’”chewing gum”, f’biċċa lastiku li tiġġebbed kif jaqbel. Ħabib, tilgħaqx għaliex m’intix kelb tat-triq; tibżax mil-kastig għax hemm kastig Ii hu unur; tibżax mill-vittimizzazzjoni għax il-vendikazzjoni hi gidma b’dentatura falza. lbża’ biss mill-gidba; tkexkex li tasal biex tgħix f’pajjiż fejn il-gidba hi istituzzjonallizzata. lstħi mis-suċċess fittizju Ii jġelldek miegħek innifsek. Tiġġilidx miegħek innifsek. Aħseb ħsieb wieħed: taħsibx pubblikament mod, u privatament mod ieħor. Dan hu pajjiżek, daqskemm hu pajjiż min jiddetta.

Il-ħaddiem ikun ħieles mhux meta ngħidu li hu ħieles – għax il-ħelsien mhux kelma – iżda meta hu jħoss ruħu ħieles tassew. Hu biss, bil-libertà, mingħajr ritornelli maħduma għaliha, jista’ jistqarr dan. Il-libsa tiegħu hu biss għandu jfassalha, hu biss għandu jippruvaha biex jara hix issikkata jew le, u l-ħajjât għandu jħit kif irid min se jilbisha. Inkella tkun libsa tat-trabi, magħmula minn ħaddieħor biex jilbisha min għadu ma kisibx il-kontroll tiegħu nnifsu. Min irid jirrapreżenta lill-Ħaddiema bla ma jobdi u jikkonsulta l-ħin kollu lill-ħaddiema jkun qiegħed jirrapreżenta lilu nnifsu, u jmissu jwaqqaf Parlament ġdid – għalih waħdu. Lit-trabi biss nittrattawhom hekk. U jekk il-Ħaddiem m’huwiex tarbija, kull nuqqas ta’ konsultazzjoni hu dittatura, hu ksur tal-kuntratt li ħadd m’għandu jibqa’ jintrabat bih aktar. Il-logħba jew tintlagħab mit-tnejn jew ma tintlagħab xejn. Il-konsultazzjoni m’hix privileġġ. U fejn hi meqjusa privileġġ hemm id-dittatura. U l-agħar forma ta’ dittatura hi dik li żżom l-iskorċa tad-demokrazija. Aħjar il-mard li jidher mill-mard li ma jidhirx.

U l-Ħaddiem għad ikun ħieles meta għad ikollu x-Xandir f’idejh u mhux f’idejn il-klassi għolja li tmexxi. lkun ħieles meta għad imur fuq ix-Xandir u jgħid li jrid, bil-kamera mixgħula fuq wiċċu, bla tlaqliq, bla biża’. Sa issa l-Ħaddiem m’hux ħieles għax hawn min jibża’ minnu. Id-demokrazija tkun eżaminata u tgħaddi mill-eżami mhux skond kemm wieħed jimxi ‘il quddiem meta jilgħaq, iżda skond kemm wieħed ma jmurx lura meta jikkritika sinċerament. U l-kritika tal­-Ħaddiem ma tistax tibqa’ ssir fil-widnejn, fil-ħwienet bil-moħbi, minn taħt l-ilsien fid-djar magħluqa, bil-ħbieb magħżula, bl-ittri fuq il-ġurnali. Il-kritika trid issir fil-beraħ, qabel ma jidlam, b’leħen għoli, bl-isem u bil-kunjom u bl-indirizz. Dik biss hi demokrazija. Il-bqija hi dittatura, hi kopja sfukata ta’ ritratt sfukat ta’ demokrazija sfukata.

MIN IWEĠĠA’ ‘L SIEĦBI JWEĠĠA’ LILI

Jekk Ħaddiem wieħed biss jaf li jekk jitkellem kif jemmen jew iġib ruħu kif għandu jġib ruħu jaqla’ trasferiment, jew ikun vittimizzat, jew jitlef promozzjoni, id-demokrazija tkun kelma konvenjenti, tradiment, bużżieqa li l-poter jonfoħha kif jaqbillu. U l-poter jiddelletta b’ħafna bżieżaq. Tkun droga għall-Ħaddiem, loppju ta’ dan il-poplu li sa issa kwazi dejjem kellu jbaxxi rasu u jobdi, daqqa lill-granmastru, daqqa lill­-inkwiżitur, daqqa lill-gvernatur, u daqqa lill-prim ministru. L-adult għandu l-jedd jitkellem bla ma jħossu obbligat li jinċensa u jinżel għarkobbtejh biex jingħoġob. M’għandu għalfejn jogħġob lil ħadd ħlief lill-kuxjenza tiegħu. M’għandu għalfejn jiftaħ ebda id biex jilqa’ l-karità. Kull benefiċċju soċjali li jingħata lill-ħaddiem hu jedd, ma jkun qiegħed jingħata minn ebda but ta’ ebda benefattur, imma minn but il-Ħaddiem innifsu li jħallas it-taxxi. U jekk il-Ħaddiem għandu jċapċap, għandu jċapċap lilu nnifsu. Ebda gvern ma jagħti, għax ebda gvern ma jfaqqar lill-membri tiegħu u jqiegħed il-flus f’borża u jqassamhom lill-kotra. Kull diskors differenti hu prostituzzjoni ta’ moħħ il-Ħaddiem, hu kolonjaliżmu mibni fuq il-konvinzjoni li l-Ħaddiem hu xi ibleh li taqlagħlu għajnu u jżiegħel bik. Le, le, il-Ħaddiem m’għandux ikun kelb mans li jimxi skond fejn tiġbdu ċ-ċinga kapriċċuża ta’ xi ħadd li ffissa li hu sidu. Bil-lagħqiżmu l-Ħaddiem ma jagħmilx ħlief ikabbar id-distanza illi tbiegħdu mill-klassi li tegħlet fil-għoli biex tiddetta. lkun qiegħed jiffirma l-kuntratt tal-bejgħ tiegħu nniffsu, ħaġa li jista’ jagħmilha u ma jmissux jagħmilha. Hemm dawk li jaħdmu iebes u jaqilgħu ftit; u hemm dawk li jiddettaw minn fuq pultruna ratba tal-poter u jaqilgħu ħafna. Ejjew ma niddubitawx wisq ma’ min għandna nżommu.

L-istat li jobdi u jiddjaloga l-ħin kollu hu servizz miftuħ. L-istat li jimponi u jitkellem waħdu hu l-klassi perikuluża li teħodha kontra l-klassi tal-Ħaddiema. Dan l-istat hu mostru klassista, mibni fuq it-twemmin tribali li mhux kulħadd indaqs. F’liema zoo jitrabba dan l-istat? B’liema laħam uman jismen u jiħxien? B’liema demm jitrejjaq dan il-vampir?

Hu stat li jista’ jbeżża’, iżda hu stat li jibża’ u m’għandux ibeżża’. lbża’ mill-biża’. Min jiddetta hu dgħajjef. lr-riverenzi u l-inkini, għalhekk, jeħtieġ narmuhom fil-baħar ta’ madwarna. Sakemm ma jsirx dan, ejjew ma noħolmux li l-Ħaddiem Malti hu ħieles. Ejjew ma nibqgħux tfal f’dinja barranija ta’ adulti. Ejjew ma ndaħħkux aktar lill-barranin bina, u ma nidħkux aktar bina nfusna u bi sħabna l-Ħaddiema, ħomor u blù sofor u vjola… Ejjew nikbru ftit, għax għadna pajjiż tat-tfal, immexxi mit-tfal għat-tfal. Hemm kolonjaliżmu li hu Malti wkoll, mill-Maltin għall-Maltin.

Ħabib, tibża’ minn ħadd ħlief minn Alla meta tiżbalja. Tistħi minn xejn ħlief mill-kuxjenza meta tigdeb. Tigdeb qatt, anki jekk jikkmandawk tigdeb. Tgħallem kif ma tobdix. Twieġeb lil ħadd ħlief lil-leħen fitt tal-kuxjenza tiegħek. Tgħattix wiċċek bil-maskri, għax wiċċek m’hux ikreh. Timmutax għax leħnek m’huwiex stunat. Tistħix mill-imgħoddi tiegħek; tmaqdarx lil missrijietek għax min imaqdarhom m’hux Malti; tgħallem l-Istorja biex ħadd ma jbellgħek il-ħrejjef; tistħix jekk int Kattoliku, u ħalli jistħi min ittradixxa l-valuri Kattoliċi taI-Ħaddiema Kattoliċi li suppost jirrappreżenta. Għal jeddijietek tbiegħx moħħok, għall-paga tiegħek titmigħekx ma’ l-art. Tfesfisx fil-widnejn imma għajjat fit-toroq, għax tiegħek it-toroq. Tibżax mill-poter – għax hu jibża’ minnek; tistħix mill-poter – għax hu jistħi minnek. Il-poter hu marda oħra, hu ħalba xita li tieqaf, hu sħaba li tgħaddi.

Dan biss hu l-eżami tad-demokrazija, fil-prattika tal-fatti u mhux fl-eżattezza xejn impressjonananti tal-Kostituzzjoni. Il-Kostituzzjoni wkoll tista’ tkun biċċa lastiku għal min irid iġebbidha, jew “chewing gum” għal min irid jomgħodha. lmbagħad, wara Ii tagħmel hekk, ara ftit x’jiġrilek. Jekk l-affarijiet jitbiddlu għall-aħjar għal kulħadd, għid: hawn id-demokrazija, u jien stmat ta’ Ħaddiem. U jekk le, ifhem li għadek m’intix ħieles. Għax il-ħelsien m’huwiex xewqa imma esperjenza. lmbagħad ħares lejn idejk u tħosshom marbuta; agħti pass u ara li ma tistax timxi; miss ħalqek u ħossu meħjut. L-agħar jasar hu sewwasew dak il-jasar li taħsbu ħelsien. 

U meta tifhem li għadek tapit, u għadek ġugarell, u għadek pupu, u għadek kartellun, tingħalaqx id-dar, tibkix ma’ martek u ma’ wliedek bil-moħbi, issakkarx il-bibien biex taparsi ħadd ma jisma l-karba tiegħek. Il-ħelsien jinkiseb mod ieħor, l-agħsafar ma jtirux fil-gaġeg, iż-żwiemel ma jiġrux fl-istalel. U tkun sirt mara, u tkun sirt raġel – għax tkun weġġajt u ntbaħt. Għad jisbaħ u tgħid daqshekk, għad jisbaħ u tgħid biżżejjed. U tarmi l-prudenza u tarmi l-paċenzja. Hemm doża oħra għal min ma jifhimx, l-argumenti m’humiex għaċ-ċitaturi; hemm lingwa li jkellmuk biha u li int trid tkellimhom biha. Għad tgħid biżżejjed. U wliedek iberkuk, u jgħidu: ommi tassew kienet mara, missieri tassew kien raġel. Hekk Alla jgħinek.