Il-bieraħ Robert Abela ammetta li kien tkellem mal-kummissarju tat-taxxi interni dwar il-ħlas tat-taxxa dovuta minn Bernard Grech fiż-żmien meta dan kien qed itellaq fit-tiġrija biex jiġi elett bħala kap tal-partit fl-oppożizzjoni. Hu u jipprova jiġġustifika l-imġieba tiegħu, Abela stqarr li ma kienx jimporta jekk il-proċedura li huwa għażel kienitx korretta jew le – jiġifieri skambju ta’ messaġġi permezz tal-WhatsApp bejn Robert Abela u Marvin Gaerty – iżda l-importanti hu li s-sitwazzjoni dwar il-ħlas ta’ taxxa minn Bernard Grech ma kienitx kif suppost.

Robert Abela dan kellu jammettih għax ma kellux alternattiva oħra. Dan l-iskambju ta’ messaġġi jinsab bl-iswed fl-abjad fil-mobile ta’  Marvin Gaerty, liema messaġġi jifformaw parti minn investigazzjoni li l-Pulizija qed tagħmel fil-kuntrest tal-iskambju ta’ messaġġi li kien seħħ fl-2014 bejn Gaerty u Yorgen Fenech dwar kwistjoni oħra. Il-prim ministru seta’ għażel li jiċħad, iżda kien jaf li mal-medda taż-żmien kienet toħroġ il-verità fis-sens li dan l-iskambju kien seħħ tassew.

Robert Abela wkoll għażel li jammetti għala ħass li kien jaqbillu jallega li r-rapport dwar evażjoni tat-taxxa kien wasallu “minn ħdan il-PN” milli jammetti li kien għamel pressjoni fuq il-kummissarju tat-taxxi nterni biex dan ma jaċċettax li jasal għal ftehim ma’ Bernard Grech dwar dak li kien dovut, kif wara kollox għandu kull jedd li jagħmel skond il-liġi.

Għalissa ejjew nikkonċentraw mhux fuq dak li Robert Abela ċaħad iżda fuq dak li huwa ammetta li kien seħħ. Huwa ammetta li kellu skambju ta’ nformazzjoni ma’ xi ħadd “fi ħdan il-Partit Nazzjonalista” dwar kandidat għat-tmexxija tal-partit avversarju. Dak iż-żmien, Adrian Delia kien ġie kostrett jammetti li kellu laqgħat sigrieti ma’ Robert Abela waqt kampanja li fiha kien qed jipprova jipperswadi lit-tesserati jikkonfermawh fit-tmexxija tal-PN. 

La Robert Abela u lanqas Adrian Delia m’għadhom qatt ikkonfermaw x’kien is-suġġett ta’ dak li kienu ddiskutew f’dawn il-laqgħat: madankollu wieħed ma jistax ma jissuspettax li f’dawn il-laqgħat Adrian Delia talab lil Robert Abela biex issir pressjoni dwar il-kwistjoni tal-ħlas tat-taxxa minn Bernard Grech. Jekk diskors bħal dan sarx jew le, ma nafux. Iżda nafu fiċ-ċert li dawn it-tnejn kienu ltaqgħu u li t-tnejn li huma kellhom interess qawwi li jiżguraw li Bernard Grech ma jirbaħx it-tellieqa għat-tmexxija tal-PN.

Nafu wkoll fiċ-ċert li Robert Abela tkellem ma’ Marvin Gaerty dwar it-taxxi dovuti minn Bernard Grech. Diskursata li tfakkarni fl-iskambju li kellu Donald Trump mal-president tal-Ukrajna dwar iben Joe Biden.

Il-korruzzjoni ta’ Adrian Delia nistgħu biss nissuspettaw dwarha. Iżda dik ta’ Robert Abela hi waħda minn ewl id-dinja. Korruzzjoni? U żgur li korruzzjoni! Il-korruzzjoni m’hi xejn ħlief  abbuż tas-setgħa għall-gwadann personali.

Lil Robert Abela kien jaqbillu politikament li kieku Adrian Delia ġie konfermat fit-tmexxija tal-PN. U għaldaqstant abbuża mis-setgħa li għandu u għamel pressjoni fuq il-kummissarju tat-taxxi interni biex dan jieħu azzjoni u biex b’hekk jiżgura li jinqdew l-interessi partiġġjani tiegħu.

Dan l-iskandlu – anki jekk għalissa nħallu fil-ġenb l-allegazzjoni li Robert Abela kien ħareġ ordni biex Marvin Gaerty jreġġa’ lura ċ-ċertifikat dwar ħlas ta’ taxxa li kien ħareġ lil Bernard Grech – huwa wieħed tal-biża’. Robert Abela huwa t-tieni prim ministru in fila li kellu x’jaqsam personalment u direttament f’att ta’ korruzzjoni.

Jekk ser nittrattaw l-imġieba ta’ Robert Abela u t-taxxa fl-istess ħin, ma nistgħux nieqfu hawn. Aktar minn xahar ilu kont ktibt artiklu għas-Sunday Times of Malta dwar il-ġid mhux spjegat li għandu Robert Abela. Issa li wriena l-ħeġġa kbira li għandu biex jara li kulħadd ikun konformi mal-liġijiet dwar il-ħlas tat-taxxa tant li ntervjena personalment mal-awtoritajiet tat-taxxa biex dawn jitkixxfu dwar jekk Bernard Grech kienx ħallas dak kollu li kien dovut, ma jkunx opportun jekk ikollna l-opportunità li neżaminaw ftit is-sitwazzjoni personali tiegħu f’dak li hu ħlas ta’ taxxa?

Ma jkunx opportun jekk igħaddilna kopji tad-dikjarazzjonijiet ta’ dħul li huwa kien għamel matul is-snin, dwar minn fejn ġew flejjes li ntużaw biex inxtraw diversi proprjetajiet u dwar ir-records finanzjarji tad-ditta legali tiegħu? Ma jkunx opportun jekk jispjegalna daqsxejn dwar kif sar daqshekk sinjur matul żmien pjuttost qasir u dwar jekk ħallasx it-taxxa kollha dovuta hekk kif akkwista dan il-ġid kollu?

Il-bieraħ Robert Abela stqarr li “l-qofol tal-kwistjoni m’hix il-proċedura iżda li Grech ma kienx ħallas taxxa għal snin sħaħ.” Il-kwistjoni dwar il-ħlas tat-taxxi ta’ Bernard Grech ċertament kienet waħda rilevanti u Robert Abela, b’lealta lejn il-pubbliku, ġiegħlna nitkellmu dwarha. Iżda l-proċedura li ntużat li kwistjoni mportanti wkoll għaliex l-intervent tiegħu kien wieħed korrott u skandaluż.

Il-bużillis hu li l-ispjegazzjoni ta’ Robert Abela minnha nnifisha tammonta għal apoloġija talli ma mexiex skont il-proċedura. Tammonta għal ammissjoni “limitata” li ma ġabx ruħu kif suppost kellu jġib ruħu.

Il-prim ministru ma setgħax jaqbad u jkeskes lill-awtoritajiet tat-taxxa kontra l-avversarju politiku tuegħu. Iżda jagħmel sew il-prim ministru jekk jawtorizza lill-awtoritajiet tat-taxxa sabiex igħarblu u jitkixxfu dwar is-sitwazzjoni tiegħu personali dwar ħlas ta’ taxxi u li jinfurmaw lill-poplu dwar ir-rżultat tal-investigazzjoni tagħhom.

Ġaladarba għandu tant ħeġġa biex jara li t-taxxi ta’ kulħadd jitħallsu skont il-liġi, x’qed jistenna’ biex jurina li m’hemm ebda “imma” dwar is-sitwazzjoni tat-taxxa tiegħu?