Dan huwa l-Ministru Clint Camilleri kif ġie nkwadrat fuq it-televiżjoni tal-istat fejn jidher qed iżomm id-distanza rakkomandata ta’ żewġ metri minn dawk il-persuni li hu ma jgħix magħhom.
Il-mara li tidher fir-ritratt hi residenta ta’ Għawdex li, bħalma għamlu ħafna mill-ġirien tagħha, stallat panelli tal-enerġija mix-xemx fuq il-bejt tagħha. U skont l-iskema ta’ sussidju, l-gvern għandu jagħtiha xi ftit mijiet ta’ ewro. Il-gvern la bgħat il-flus fil-kont bankarju tagħha, la ħallasha permezz tar-Revolut u wisq inqas kellu d-diċenza li jimpustalha ċekk.
Ma tarax!
F’nofs imxijja, l-gvern għoġbu jkaxkar lil din il-mara u lill-ġirien tagħha biex il-ministru jkun jista’ jippoża f’ritratt hu u jqassam il-flus.
Skont it-TVM, din l-iskema tal-gvern b’kollox tiswa’ l-ammont spettakolari ta’ €15,000. U, sinjuri qarrejja, kunu afu li dan l-ippużar kollu għar-ritratti huwa ħafna aktar importanti mir-riskju li tkompli tinfirex l-imxijja f’Taċ-Ċawla fil-limiti tar-Rabat.
Issa ilna maħkumin mill-imxijja għal għaxar xhur sħaħ u l-ministru Clint Camilleri għadu ma tgħallimx kif għandu jilbes il-maskra ma’ wiċċu. Għal darb’oħra, tgħallem għatti mnieħrek Clint! Possibbli li għadek ma smajtx li mnieħer mikxuf ikabbar il-possibilità li tinfirex l-imxijja? Imnieħrek kxiftu biex tkun tista’ tieħu n-nifs bil-kumdità kollha u meta għamilt hekk żdied iċ-ċans li int tinfetta lilek innifsek hekk kif tieħu n-nifs ‘il ġewwa.
M’aħniex qed ninkwietaw għalik, Sur Clint Camilleri. Jekk ser ikollok tiżola ruħek għal ħmistax il-ġurnata, x’aktarx niffrankaw li noqgħodu narawk tippoża għar-ritratti. Iżda kull darba li tiddeċiedi li n-nies għandha tiekol mill-pala ta’ jdejk bħallikieku kienu ħamiem, wiċċek nofsu mgħotti x’aktarx ser ikun il-kaġun tat-tixrid tal-imxijja.
Kemm tiflaħ tkun imbeċilli, Clint?