Rosianne Cutajar kienet imdaħħla f’negozju privat meta kienet għadha kważi-ministru u b’hekk kisret ir-regolamenti dwar l-imġieba fil-ħajja pubblika. Dan għandu jġib miegħu l-piena ta’ tkeċċija.

Tħallset ukoll l-eluf fi flus kontanti. Dan ukoll għandu jfisser piena ta’ tkeċċija.

Għamlet użu mill-karrozza uffiċjali tagħha biex tagħmel negozju privat. Dan ukoll għandu jwassal għat-tkeċċija tagħha.

Naqset li tiddikjara dan id-dħul fid-dikjarazzjoni statutorja tagħha. Imġieba bħal din bla dubju għandha tfisser tkeċċija.

Innegozjat ma’ Yorgen Fenech wara li dan inkixef li huwa sid il-kumpannija 17 Black. Dwar dan il-fatt ukoll għandha titkeċċa minnufih.

Il-prim ministru tagħha kien messu keċċieha għal ħames darbiet wara xulxin. Jekk jibqa’ ma jkeċċihiex, Robert Abela jmissu jwarrab hu stess.

Dan sirna nafuh għaliex – fi kliem Ivan Martin u Jacob Borg li xandru l-istorja fit-Times of Malta (hemm ukoll rapport fil-Malta Today)  “skont xi għejjun, Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar għamlu diversi telefonati bejniethom u ddiskutew il-bejgħ tal-proprjetà fl-Imdina, liema negozju huma sejjħulu bħala wieħed tajjeb.”

Qegħdin taraw? Dan huwa l-istadju li fih “jitwaħħdu l-interessi” ta’ Yorgen Fenech u ta’ Robert Abela. Din hi r-raġuni l-għala ma jridu la lilek u lanqas lil tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne li jsiru jafu bl-informazzjoni li hemm fit-telefon ta’ Yorgen Fenech. Din m’hix kwistjoni dwar għajdut li Rosianne Cutajar hi ġbint Yorgen Fenech u li din gawdiet minn ħafna rigali ta’ lussu. Wara kollox, x’jista’ hemm bejniethom m’hi affari ta’ ħadd.

Iżda hi kwistjoni dwar it-tiġrif tal-kontinwità ta’ Robert Abela u dwar il-fatt li ninsabu maħkumin mill-mafja.