Illum il-PN stqarr li l-eks mexxej tiegħu Adrian Delia m’aċċettax post fil-Kabinett Dell il-ġdid ta’ Bernard Grech. Min jaf? Forsi Adrian Delia għad jitħajjar jikteb xi poeżija sabiex jagħtina r-raġunijiet għad-deċiżjoni li ħa.
Hi x’inhi r-raġuni uffiċjali, wieħed jeħtieġ li jiftakar li dan il-bniedem ma sabx postu fil-Parlament permezz tal-voti u, minkejja li qed jokkupa siġġu tal-oppożizzjoni, qed jirrifjuta li jopponi. Fiż-żmien li għamel bħala kap tal-oppożizzjoni, diġà wera’ li kien jiddarras biex jopponi u ħafna minn ħinu ħlieh b’mod mill-aktar patetiku jilgħaq lil Joseph Muscat. U dan meta kien ikun f’sensieħ.
Issa jrid li joqgħod jogħxa fiċ-ċapċip tal-manigoldi lagħqin li għandu madwaru – lagħqin li bosta drabi jkunu mdendlin miegħu kull fejn imur.
Dan l-aħħar kien hemm uħud li, fl-isfond tar-riżenzji ta’ Edward Scicluna u ta’ Gavin Gulia, wieġbu għall-kritika li saret fil-konfront Robert Abela meta dan – kontra x-xewqa tal-elettorat – għażel lil min ried hu biex jieħu postu fil-Parlament, billi stqarrew li dan kien appuntu l-mod li bih Adrian Delia sab ruħu bħala membru ta’ din l-istituzzjoni.
Qatt smajtuni ngħid li din kienet ħaġa sewwa?
Kien hemm ukoll minn qabbel il-manuvra li twettqet minn Robert Abela ma’ co-options oħrajn bħalma kienet dik riċenti tad-deputat Għawdxi Kevin Cutajar. M’hemmx paragun. Tabilħaqq, il-każ ta’ Kevin Cutajar jagħti raġun lil min isostni li meta l-partiti jimmanipulaw il-co-options bi sfida għar-rieda tal-poplu, jkunu qed iwettqu attakk dirett fuq id-demokrazija. Il-kwistjoni kollha dwar il-co-option ta’ Kevin Cutajar kienet li Adrian Delia qabad u għażel lil ħaddieħor biex jieħu postu fil-Parlament bi sfida għall-għażla tal-votanti ta’ distrett li kellu siġġu battal. Kevin Cutajar kien l-għażla tal-kostitwenti u l-PN m’għamel xejn ħlief ikkonferma din l-għażla.
X’irrid infisser? Adrian Delia qed jokkupa siġġu parlamentari minkejja l-fatt li ħadd ma vvotalu biex jokkupah. U issa s-siġġu qed jokkupah biex joqgħod isaħħnu. Ma jrid jagħmel xejn iżda jippretendi li jitħallas xorta waħda.
Fil-konfront ta’ din l-imġieba, l-partit tiegħu jidher li ma jista’ jagħmel xejn u ser ikun imiss lill-votanti fid-distretti li ser jikkontesta li jiddeċiedu dwar il-futur politiku tiegħu – jiġifieri jekk għandux ikompli ma jagħmel xejn sakemm isib ruħu sajjem miċ-ċapċip ta’ dawk l-erba’ boloħ li għadhom isegwuh.