Il-ġurnalisti semgħu għajta ta’ sodisfazzjon ġejja minn naħa tal-Partit Laburista hekk kif ġriet l-aħbar li l-kandidat ribell Charles Azzopardi kien ġie eliminat fl-għadd tal-voti li ntirtu mingħand Edward Scicluna. Mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn, Charles Azzopardi sar membru tal-PN u dan kien ifisser li, kieku ġie elett hu, tal-Labour kienu jitilfu siġġu Parlamentari ieħor wara li kienu diġà tilfu s-siġġijiet ta’ Godfrey u Marlene Farrugia.
L-elezzjoni ta’ Charles Azzopardi ma kienitx tkun ta’ sfida għad-dominju assolut li għandhom tal-Labour fil-Parlament għaliex għandhom maġġoranza komda. Iżda jidher ċar li għandhom ħeġġa kbira biex din il-kumdità jżommuha sħiħa.
X’aktarx li ż-żewġ partiti ħadu r-ruħ meta, bi żbrixx, Jeffrey Pullicino Orlando ma rnexxilux jikseb is-siġġu parlamentari ta’ Edward Scicluna. Kien fis-sena 2008 li Jeffrey Pullicino Orlando l-aħħar li ġie ri-elett fil-Parlament. Kien ikkontesta f’isem il-PN u kien inkixef waqt il-kampanja elettorali s-sehem tiegħu fl-iskandlu ambjentali tal- Mistra. U biex seta’ jibqa’ jimraħ fix-xena politika, b’xi mod u informalment, ingħaqad ma’ tal-Labour. Iżda dak iż-żmien id-differenza bejn partit ieħor f’dawk li huma siġġijiet parlamentari kien wieħed minimu.
Ebda wieħed mill-partiti politiċi ma kien jieħu pjaċir bl-elezzjoni ta’ Jeffrey Pullicino Orlando. Traditur xejn ma jinżel ħelu u ż-żewġ naħat ħadu r-ruħ li ma telgħax.
U spiċċa biex tela’ Gavin Gulia, politiku meqjus bħala bniedem raġjonevoli, moderat u t-tip li 20 sena ilu kien ikun kunsidrat bħala l-wiċċ aċċettabbli tal-Labour.
Ma setgħax rebaħ is-siġġu parlamentari f’jum aktar simboliku.
Il-bieraħ Anġlu Farrugia ddeċieda li l-Parlament, fl-isfond tad-deċiżjoni ta’ George Hyzler – deċiżjoni li kulħadd qal li jaqbel magħha, jiġifieri li Joseph Muscat abbuża mis-setgħat tiegħu meta lil Konrad Mizzi tah kuntratt ta’ konsulenza mal-Awtorità tat-Turiżmu biex b’hekk ipattilu għall-fatt li fl-2019 kellu jwarrab mill-kariga ta’ ministru tat-turiżmu.
Biex juri kemm hu leali lejn il-partit tiegħu, Anġlu Farrugia b’mod żbaljat għall-aħħar, ġab lill-Parlament fix-xejn u b’daqqa ta’ pinna neħħielu l-mezzi kollha li kellu biex jirregola lilu nnifsu. Dan stqarr li issa Joseph Muscat huwa ċittadin privat u għaldaqstant m’huwiex kontabbli lejn il-Parlament. Din l-istqarrija m’hi xejn ħlief ħmerija kbira għaliex meta Joseph Muscat abbuża mis-setgħat tiegħu, ma kienx ċittadin privat iżda kien Prim Ministru.
Fil-grupp parlamentari tal-Labour issa ngħaqad Gavin Gulia, l-istess bniedem li kien iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu li llegalment ta kuntratt ta’ konsulenza lil Konrad Mizzi bis-saħħa ta’ ordni llegali ta’ Joseph Muscat. George Hyzler għamilha ċara li Gavin Gulia naqas minn dmiru meta ppermetta l-iffirmar tal-kuntratt – iżda peress li dakinhar ma kienx membru parlamentari, ma kienx jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ George Hyzler.
Sitwazzjoni mill-aktar redikola. Skont Anġlu Farrugia, lil Joseph Muscat il-Parlament ma jistax jiġbidlu widnejh għaliex m’għadux il-persuna pubblika li kien meta twettaq l-abbuż. U Gavin Gulia jista’ jieħu l-ġurament bħal membru parlamentari bla xkiel għaliex ma kienx fil-Parlament meta naqas minn dmiru u ppermetta l-iffirmar ta’ kuntratt illegali.
In-nuqqasijiet ta’ Gavin Gulia hu u jmexxi l-Awtorità tat-Turiżmu ma kienux limitati biss għall-arranġamenti korrotti li seħħew bejn Konrad Mizzi’s u Joseph Muscat. Is-sena li għaddiet The Shift xandret storja dwar kirjiet li saru mill-familja ta’ Gavin Gulia lill-Awtorità tat-Turiżmu.
U dan kollu minn bniedem meqjus moderat u raġjonevoli: l-uniku kandidat fost tlieta li dalgħodu l-partiti politiċi ma xtaqux li jiġi eliminat fl-elezzjoni każwali.