Ċertament ma kienx xi skandlu nazzjonali ta’ skala enormi. Silvio Schembri ġiegħel lid-Dipartiment tal-Informazzjoni jxandar stqarrija partiġġjana għall-aħħar li tixbaħ l-għerf li ta’ spiss ixandar il-One TV bħal, per eżempju, li ‘Bernard Grech  ma jħobbx lil pajjiżu’ jew diskors simili. U tad-Dipartiment tal-Informazzjoni obdewħ sal-inqas dettall. 

 

Ejjew nagħmluha ċara mill-bidu nett. Ħadd m’hu ser jitlef l-irqad bl-inkwiet għall-fatt li Silvio Schembri ġiegħel lil tad-DOI jagħtu tilqita ta’ rispettabilità lill-ħmerijiet li jlissen meta dawn stampawhom fuq karti tal-gvern. Ftit huma dawk li jagħtu każ il-kliem li jistqarr Silvio Schembri, stampati fejn ikunu stampati.  

 

Iżda jidher li l-impjegati tad-DOI lanqas biss għandhom id-diċenza li jwettqu xogħolhom kif suppost. Ma tarax li m’humiex ser jisfidaw ordni biex ixandru ċ-ċuċati ta’ Silvio Schembri!

 

Niftakar li, fiż-żmien meta kont naħdem f’ministeru, kont bgħatt lid-DOI abbozz ta’ stqarrija li kellha bixra kemmxejn partiġġjana u dakinhar stess kont irċevejt telefonata mingħand uffiċjal li jaħdem fid-Dipartiment li b’ċerta edukazzjoni talabni nibdel it-ton partiġġjan tal-istqarrija. U hekk għamilt. U minn dakinhar ‘il quddiem qgħadt aktar attent u dan biex ma nimbarazzax lill-ħaddiema tas-servizz ċivili. 

 

Issa l-ministri jistgħu jiktbu b’liema ton li jridu kull darba li dawn ixandru kitbiethom fil-paġna tagħhom tal-Facebook. Madankollu dawn m’għandhom ebda dritt li jkaxkru magħhom fit-tajn lill-amministrazzjoni pubblika.

 

Jidhrilkom li qed infittex ix-xagħra fl-għaġina? U ija mhux xorta?

 

Il-Kummissarju dwar l-iStandards innifsu ma jaħsibx li qed infittxu x-xagħra fl-għaġina.

 

Fl-10 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissarju dwar l-iStandards kiteb li l-imġieba tad-Dipartiment tal-Informazzjoni kienet waħda inaċċettabbli u tikser l-etika. Fis-17 ta’ Settembru 2019, l-istess Kummissarju reġa’ tenna’ l-pożizzjoni tiegħu wara li kien sar ilment dwar inċident simili. 

 

Il-verità hi li Silvio Schembri mhux biss reġa’ ġie jaqa’ u jqum u abbuża mill-ħaddiema ta’ tad-DOI. Ġab ruħu b’dan il-mod minkejja l-fatt li biss 5 xhur ilu l-Kummissarju dwar l-iStandards kien diġà ġibidlu l-attenzjoni. Darbtejn. 

 

Din m’hi xejn ħlief impunità u disprezz lejn l-istituzzjonijiet li xogħolhom hu li jaħdmu indipendentement mill-gvern.  

 

U ġaladarba jġibu ruħħom b’dan il-mod fejn jidħlu kwistjonijiet żgħar, aħseb u ara kif tkun l-imġieba tagħhom f’kwistjonijiet li jkunu akbar. 

 

L-Awditur sab taħwid enormi fil-każ tal-għoti tal-art lid-DB Group biex dawn ikunu jistgħu jibnu bini mostruż fis-sit ta’ dak li kien l-ITS f’San Ġorġ. U l-Awditur bgħat rapport dettaljat lill-Parlament għaliex din l-istituzzjoni twieġeb direttament lill-Parlament u mhux lill-gvern. Iżda x’għamel il-Parlament? Ġie jaqa’ u jqum altament. Lanqas biss indenjaw ruħħom iressqu r-rapport għad-dibattitu u spiċċaw biex qiegħduh fuq l-ixkaffa.

 

Il-Kummissarju George Hyzler għandu l-ħabta li jiġġustifika r-rakkomandazzjonijiet li jagħmel sforz il-prinċipju tal-idealiżmu. Huwa stqarr li  “l-missjoni tal-uffiċċju tiegħu hu li jisfida l-konswetudnijiet li huma stabbiliti fis-sistema politika Maltija, kull darba li dawn il-konswetudnijiet inaqqsu l-livelli għoljin ta’ mġieba li lkoll naspiraw li nħaddnu.”

 

Tassew? Silvio Schembri jaspira li jkollu livelli aktar għoljin ta’ mġieba? Jew Ian Borg? Jew Rosianne Cutajar? Jew Robert Abela nnifsu?

 

Kull min jaspira li jħaddan livelli għola ta’ mġieba, diġà jkun iħaddan ċerti livelli ta’ mġieba marbutin mad-diċenza bażika. U ma nimmaġinax li Silvio Schembri ser iqum għada filgħodu u, b’ton ta ndiema, lid-Direttur tal-Informazzjoni jgħidlu li bi ħsiebu jsewwi l-imġieba tiegħu. Anzi nasal biex ngħid li lid-direttur ser igħidlu li I-One TV u t-TVM m’humiex biżżejjed u li jeħtieġ lid-DOI ukoll biex ikompli jxerred il-ħmerijiet u ċ-ċuċati li għandu l-ħila li jlissen.