Jidher li Robert Abela mingħalih li hu xi strateġista prim li jkun dejjem seba’ passi quddiem ħaddieħor. Iżda l-kwistjoni dwar Gavin Gulia ġabitu fi frisk li kien messu xammu ġej.
L-iskuża li ġab Gavin Gulia talli b’kollox għamel 5 minuti bħala Membru tal-Parlament kienet li l-prim ministru xtaqu jibqa’ jmexxi l-Awtorità tat-Turiżmu. Stqarr li ‘l-Prim riedni’ – stqarrija li ta’ sikwit jagħmluha kandidati ta’ kafkaf.
Iżda mbagħad intebħu li kienu wettqu tgħaffiġa nobis. Hekk kif Gavin Gulia bies is-salib u leħaq membru tal-parlament – bewsa li kienet tixbaħ dik kien ta Ġuda lil Kristu għax għamel ħalfa falza ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni – ma baqgħax eliġibbli li jmexxi l-Awtorità tat-Turiżmu.
Għaliex għandkom tifhmu li l-Att dwar l-Ivvjaġġar u t-Turiżmu li ħoloq l-Awtorità tat-Turiżmu jipprovdi li ċ-chairman tal-awtorità jeħtieġ li jkun membru tal-bord u li ebda membru parlamentari ma jista’ jservi fuq il-bord.
Kien għalhekk li bilġri ħarġu stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li permezz tagħha qalu li “aktar kmieni llum” Gavin Gulia kien warrab membru tal-bord biex ikun jista’ jieħu l-ħatra ta’ membru tal-parlament … biex ftit wara jkun jista’ jwarrab minn membru tal-parlament biex jerġa’ jieħu postu fuq il-bord.
Jista’ jkun hemm assurdità akbar minn din?
U żgur!
L-Oppożizzjoni diġà ġibdet l-attenzjoni għall-fatt ċ-chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu ma jistax jinħatar b’sempliċi ordni tal-Ministru tat-Turiżmu. Dan għaliex il-liġi titlob li kull nomina għandha tiġi mgħarbla minn kumitat parlamentari.
Dan it-taħwid m’huwa xejn ħlief riżultat dirett tal-prużunzjoni li għandu Robert Abela. Jidher ċar li, qabel fattarha, ma kien tkellem ma’ ħadd minn sħabu. Ma talab parir mingħand ħadd.
Agħatu daqqa t’għajn lejn dak li tellgħu fil-midja soċjali d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-whip tal-partit Glenn Bedingfield. Bejniethom dawn it-tnejn huma responsabblti għar-relazzjonijiet bejn il-gvern u l-parlament kif ukoll għall-ko-ordinament mal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista.
Bil-kitbiet tagħhom esprimew il-ferħ li Gavin Gulia kien reġa’ sab postu fil-Parlament u wrew li ma kellhom ebda idea x’kien qed jinħema’ minn taħt fuq struzzjonijiet ta’ Robert Abela. Chris Fearne ta’ merħba lil Gavin Gulia – ċertament dan ma kienx jagħmlu li kieku kien jaf li Gulia kien ser ikun biss għasfur tal-passa.
Aktar ironija nixxiet mill-kitba ta’ Glenn Bedingfield li tgħidx kemm faħħar is-sistema tal-vot singlu trasferibbli, l-prerogattiva tal-poplu li jagħżel hu li min jirrappreżentah (u mhux jagħżel il-partit) u l-privileġġ li wieħed iservi bħala qaddej tal-poplu u bħala rappreżentant tiegħu.
Tistgħu tibqgħu ċerti li Bedingfield ma kienx jikteb dak li leħaq kiteb li kieku kien jaf li l-mexxej tal-partit kien bi ħsiebu jimsaħ l-art kemm bil-prerogattiva tal-poplu kif ukoll bil-privileġġ li tkun qaddej tal-poplu.
Nistgħu ngħoddsu f’assurdità akbar minn din?