Uffiċjali pubbliċi mħallsin minn flus il-poplu qed iċemplu lin-nies biex jaraw għandhomx bżonn ta’ xi ħaġa mingħand il-ministru li jikkontesta l-kostitwenza tagħhom. Residenti tas-Siġġiewi qaluli li qed jirċievu telefonati mingħand xi persuna li taħdem fi-ministeru ta’ Roderick Galdes.
Roderick Galdes huwa l-ministru responsabbli mill-akkomodazzjoni soċjali u membru parlamentari tas-sitt distrett li jinkludi s-Siġġiewi. Bħalissa l-ministeru tiegħu qiegħed jibni appartamenti tal-gvern f’dan ir-raħal.
Persuni li jaħdmu fil-ministeru qed ikunu mehdihin iċemplu lin-nies biex jinfurmawhom li Roderick Galdes m’huwiex qed jagħmel żjarat fid-djar minħabba l-imxijja. Iżda dawn l-uffiċjali qed jistaqsu wkoll jekk dawn in-nies humiex bżonn ta’ xi ħaġa. “Żguri li m’għandkom bżonn xejn? Lill-ministru tridu li tiltaqgħu miegħu f’wieħed mill-uffiċċji tiegħu? Il-Ministru għandu wkoll uffiċċju f’Ħal Qormi, barra l-dak uffiċjali li għandu fil-Ministeru. Tridu taslu wasla biex taraw f’hiex jista’ jaqdikom?”
Imġieba bħal din hawn min isejjħilha power of incumbency u hawn ukoll min iqabbilha ma’ prostituzzjoni mħallsa mill-poplu.
M’hi xejn ħlief marda endemika u Roderick Galdes ċertament m’huwiex waħdu li ttieħed minnha.
Repubblika qed tipproponi li l-ministri m’għandhomx ikunu membri parlamentari u jekk membru parlamentari jingħażel biex iservi ta’ Ministru, għandu jċedi s-siġġu parlamentari. Kemm ilha tinħass xamma ta’ elezzjoni ġenerali, il-ministri qed jibqgħu lura milli jiggvernaw. Moħħom biss f’akkwist tal-voti.
Din m’hix id-demokrazija li jeħtieġ il-pajjiż.
M’hix demokrazija.
M’hi xejn ħlief irkant.