Sa fejn tkun trid tasal biex iġġiegħel lil Robert Abela jirrabja? Il-bieraħ fil-Parlament deher jitħaddet fit-tul ras imb’ras ma’ Rosianne Cutajar. Ara li ma tmorrux tiġru bl-idea l-prim ministru kien b’xi mod qed jipprova jqiegħdha f’postha pubblikament biex juri lil kulħadd x’id soda għandu mal-ministri tiegħu tafux!

Il-bieraħ ix-xena li kien hemm jista’ jkun li kienet tieħu żvolta kemmxejn differenti li kieku preżenti fis-sala kien hemm ukoll is-Sinjura Abela.

Iżda jista’ jkun ukoll li dan ma kienx ikun il-każ. Wara kollox, bosta huma dawk li ilhom li ntebħu li Robert Abela baqa’ jagħti l-kenn lil Rosianne Cutajar minkejja l-fatt li din inqabdet tilqa’ jdejha għal mazz wara mazz ta’ karti tal-flus bħala ħlas għal negozju li għamlet bħala sensara għan-nom tas-sid ta’ 17 Black.

Xi drabi ssib lil min isostni li meta politiku jinqabad jigdeb wara li jkun għamel xi ħaġa ħażina, jkun tefa’ ġebla fuq saqajh. Dan x’aktarx iseħħ meta politiku jkun jaħseb li l-gideb għandu jsalvah mill-għarqa. Ikun mingħalih li, bis-saħħa tal-gideb, ikun ser igħaddiha lixxa.

Notorjament Bill Clinton kien stqarr li qatt ma kellu x’jaqsam sesswalment ma “dik il-mara”. U mbagħad “dik il-mara” kixfitu u giddbitu hekk mill-kexxun tagħha ħarġet il-prova li kien qed jigdeb: il-libsa li kienet liebsa mimlija dbabar. Libsa li apposta qatt ma kienet naddfet.

Is-sekwenza ta’ storja bħal din tinvolvi mġieba ħażina, segwita mill-gideb u tispiċċa bil-kxif tal-gideb.

Iżda għal Rosianne Cutajar dan kollu ma japplikax. L-ewwel inqabdet. U mbagħad gidbet. U l-bieraħ lil ġurnalist tat-Times of Malta qaltlu li ma’ Yorgen Fenech qatt ma għamlet negozju.

Eh issa qed nifhem. Aħna lkoll imġienen. Kollu tort tagħna. Ninsabu reqdin u qed ngħaddu mill-istess ħmar il-lejl.

Mhux ta’ b’xejn Robert Abela jinħall kull meta jkellem lil Rosianne Cutajar. Min jaf is-sigriet tagħha x’inhu?

Nilgħab imħatra li Konrad Mizzi jinsab mejjet biex jieħu ftit tan-notamenti.