Uħud minna qatt ma kellna l-iċken dubju, iżda l-istejjer li qed ixxandar il-Lovin Malta jikkonfermaw is-suspetti li ilhom jidwu li Pierre Portelli, li kien uffiċjal mill-aktar għoli fil-PN, kien ikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech biex jixxandru stejjer fil-mezzi tax-xandir li jappoġġjaw lill-Partit Laburista.

Pierre Portelli jidher li kien talab lil Yorgen Fenech – li sa dak iż-żmien kien diġa magħruf bħala s-sid ta’ 17 Black u li allura kien qed ixaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi – biex igħinu jinqeda’ bil-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista u tal-General Workers’ Union biex jixxandru stejjer kontra tal-#occupyjustice, kontra l-fergħa taż-żgħażagħ tal-PN u kontra membri tal-grupp parlamentari Nazzjonalista bħal Karol Aquilina, Chris Said, Jason Azzopardi u David Casa.

X’aktarx li fi ħdan il-PN hemm min irid li din l-istorja tinxteħet taħt it-tapit. Pierre Portelli m’għadux impjegat tal-PN. F’Marzu li ġej jiskadi t-terminu tiegħu bħala membru tal-eżekuttiv tal-partit u t-tmexxija tal-partit jista’ jkun li qed tittama li ma jerġax jikkontesta għal post fl-eżekuttiv minħabba biża’ li din id-darba jibqa’ l-art.

Iżda l-kwistjoni m’hix dwar Pierre Portelli. L-imġieba li qed jiġi mixli dwarha, li hi manifestament kontra l-interessi tal-partit li kellu taħt il-kontroll tiegħu, kienet waħda li seħħet f’isem il-PN. Din l-imġieba kien responsabbli għaliha l-PN. Din is-sitwazzjoni ma tinbidilx meta mpjegat iħalli l-impjieg jew anki meta l-kap tal-partit jinbidel.

M’hemmx dubju li hemm ukoll ir-responsabbiltà personali. Pierre Portelli kien fid-dmir li jħares l-interessi tal-partit li kien qed jimpjegah u mhux iħares l-interessi tal-kap tal-istess partit meta l-interessi ta’ dan tal-aħħar kienu jkunu kontra l-interessi tal-partit. Naqas ukoll meta ta priorità lill-interessi ta’ Yorgen Fenech fuq dawk tal-PN, kienu minn fejn kienu ġejjin il-flus biex seta’ jitħallas is-salarju tiegħu.

Mhix skuża għal Pierre Portelli li jgħid li mexa’ fuq l-istruzzjonijiet ta’ Adrian Delia. Id-difiża tip Nuremberg ċertament m’hix aċċettabbli. M’għandniex xi ngħidu, difiża bħal din titfa’ dell ikraħ fuq Adrian Delia, iżda din hi kwistjoni oħra.

Il-kwistjoni ewlenija hi li l-PN kien f’konfoffa ma’ Yorgen Fenech. Il- PN inqeda’ bil-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista biex jattakka lid-deputati tiegħu stess u lill-attivisti tas-soċjeta ċivili, biex ixerred gideb dwarhom u biex jimmina l-kampanja tagħhom favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. L-istejjer li xxandru f’dawn il-ġranet jiċċaraw l-istampa li kellna quddiem għajnejna: dak iż-żmien, x’kienet ir-raġuni li l-PN naqas li jikkritika lil Yorgen Fenech, li jattakka l-korruzzjoni tas-17-Black/Electrogas, li jagħmel kampanja kontra l-korruzzjoni u kontra l-impunità ta’ dawk li gawdew minnha? Il-PN kien naqas għaliex kien imdaħħal fit-taħwid kollu.

Jien niġi naqa’ u nqum minn min fil-PN li jixtieq jixħet kollox taħt it-tapit f’ġieħ l-‘għaqda’ interna.

Jekk il-PN ma jkunx lest li jiffaċċja l-passat immedjat tiegħu meta matulu kien f’konfoffa mal-forzi korrotti fil-pajjiż u jaqbad il-barri minn qrunu, anki jekk din il-konfoffa ntemmet qasir il-għomor, m’għandux jistenna’ li n-nies – li toġġezzjoni għal dawn il-konfoffi li jiddiletta bihom ferm il-Partit Laburista – se tibda’ tappoġġja lilu.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kiteb Desmond Zammit Marmarà fin- Newsbook. Huwa għamel kritika fil-konfront tal-gvern Laburista attwali talli dan baqa’ ħobża u sikkina mal-interessi tan-negozju fil-pajjiż. Huwa wera’ d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li din is-sitwazzjoni ta’ familjarità żejda qed tkabbar il-possibiltà tal-korruzzjoni u tal-konfoffi u kkritika b’mod aħrax il-fatt li, fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat ipprova jiddefendi lil din il-familjarità man-negozju u sfida lil Robert Abela biex jaqleb il-paġna u jaqbad triq differenti.

Jista’ jkun li għall-PN ma jista’ qatt ikun hemm xi tama li Desmond Zammit Marmarà għad jivvota lilhom milli jibqa’ jivvota lil tal-Labour. Il-kredenzjali partiġġjani ta’ dan il-kummentatur politiku huma magħrufin u mhux ser jinbidlu.

Din hi appuntu l-problema. Li l-PN jidhirlu li jkun qed jitlef iż-żmien jekk joqgħod jipprova jipperswadi lil minn dejjem ta l-vot tiegħu lill-Partit Laburista. Din hi r-raġuni vera li, għal dawn l-aħħar tliet snin, iż-żewġ partiti kienu f’tellieqa bejniethom dwar min minnhom kien ser jirnexxielu ikun stuprat l-ewwel minn Yorgen Fenech.

Biżżejjed wieħed isemmi li meta Pierre Portelli ried li jixxandru stejjer fil-mezzi tax-xandir tal-PL kontra xi deputati tal-PN u kontra attivisti tas-soċjeta ċivili, dan ma tkellimx ma’ xi ħadd minn dak il-partit. Iżda tkellem ma’ Yorgen Fenech. U Yorgen Fenech irranġalu. Pierre Portelli kien jaf li ma kienx l-uniku wieħed imdendel ma’ djul Yorgen Fenech. Kien jaf sewwa li tal-Orizzont u tal-One TV – jiġifieri l-Partit Laburista u l-General Workers’ Union – kienu mdendlin ma’ djulu wkoll.

X’ma jaqbdekx id-daħk int u tisma’ lil tal-One TV jirreferu għal Karol Aquilina, għal Jason Azzopardi, għal Occupy Justice, għal Repubblika – u lili daħħluni fil-kredu wkoll – bħala l-“establishment”?!

Dawn m’humiex l-establishment. Yorgen Fenech – u l-mafjużi l-oħrajn li qed ikomplu jgawdu l-impunità – huma l-establishment.

Yorgen Fenech għadu sal-lum jiġbed l-ispag. Ivan Martin xehed fil-qorti li l-avukatini qaddejja ta’ Yorgen Fenech – jiġifieri Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran – kienu qalulu li rieduh ixandar sensiela ta’ stejjer biex jiġi skreditat Melvyn Theuma. Jista’ jsir paragun mas-sensiela ta’ stejjer mmirata biex jiġu skreditati Jason Azzopardi jew tal-#occupyjustice?

Anki wara li nkixef bħala s-sid ta’ 17 Black u wara li waqgħu fuqu suspetti li kellu x’jaqsam mal-assassinju ta’ ġurnalista li ma kienitx lesta li tippermettilu jiġbed l-ispag tagħha, Yorgen Fenech xorta kellu t-triq miftuħa biex jaqdi l-interessi tiegħu permezz tan-Net TV u l-Orizzont. M’hemm ebda paragun bejn it-twerżieq ta’ Christian Grima u ta’ Simon Mercieca ma’ kontroll ta’ din il-kwalità.

Jidher ċar li, dak iż-żmien, il-PN kien biss pupazz tal-establishment. Kien imdendel ma’ djul Yorgen Fenech u ppermetta lil Yorgen Fenech jinqeda’ bih biex jipprova jinfluwenza lill-opinjoni pubblika. Il-PN spiċċa biex ipparteċipa bis-sħiħ f’kampanja ta’ intimidazzjoni bil-għan li jiġu skreditati l-attivisti favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia mmexxija minn dak li jinsab mixli li qatilha biex b’hekk il-moħħ wara l-assassinju jibqa’ ma jinqabad qatt. Minflok serva ta’ tarka għal dawk li kienu qed jirreżistu lill-mafja, il-PN għen biex jiġu skreditati dawk li kienu qed jissieltu biex isseħħ il-ġustizzja.

L-istess kif osserva Desmond Zammit Marmarà fil-konfront tal-Partit Laburista, l-PN għadu m’għamel xejn biex jikkundanna l-passat riċenti tiegħu. Robert Abela għadu ma kkundannax lil Joseph Muscat. U Bernard Grech għadu ma kkundannax lil Adrian Delia. Għadu ma talabx skuża talli l-partit tiegħu kien f’konfoffa ma’ Yorgen Fenech. Għadu ma weriex id-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-partit tiegħu ipprova jiskredita lill-attivisti tas-soċjetà ċivili.

Bernard Grech m’huwiex biss responsabbli għall-imġieba tal-PN kemm ilu li ħa r-riedni. Huwa ħa t-tmexxija ta’ partit li ilu li twieled u ċertament ma twilidx dakinhar li beda’ jmexxieh hu. Huwa wiret partit li kien qed iħalli lill-mafja tinqeda’ bih. Il-PN mhux ser isib tarf ta’ din il-problema jekk jiddeċiedi li jixħet kollox taħt it-tapit. Għandu jammetti li żbalja u għandu jitlob skuża.

Il-PN jeħtieġ li jsemma’ leħnu minn issa. Inkella naslu għal konklużjoni li ma jisgħobbieh xejn mill-manuvri li wettaq Yorgen Fenech.