Fil-21 ta’ Mejju 2017, il-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Camilleri xandar il-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni li kienu għamlu tal-FIAU li bis-saħħa tagħha kkonkludew li kien hemm “suspett raġjonevoli” li  Keith Schembri kien imdaħħal f’ħasil ta’ flus maħmuġin fin-negozju li kellu mal-Allied Group u fil-ħlasijiet li kien għamel lil Adrian Hillman.

Dak iż-żmien dan ir-rapport kien diġà ilu sena jiġma t-trab. U dan ma kienx l-ewwel rapport . Konna diġà nafu b’rapport ieħor li kienu fasslu tal-FIAU li kkonkluda li kien hemm “suspett raġjonevoli” ta’ ħasil ta’ flus depożitati fil-Pilatus Bank minn Keith Schembri.

Dak iż-żmien il-Pulizija kienet baqgħet b’idejha fuq żaqqha. Meta dawn ir-rapporti ġew f’idejn il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, dan ħareġ bis-sick leave u rtira ftit wara. U d-direttur tal-FIAU ma felaħx jibqa’ f’postu u warrab ukoll.

U l-gvern ħareġ fuq l-attakk.

Edward Scicluna mbagħad dahar fuq tal-FIAU (aġenzija tal-gvern li kien politikament responsabbli għaliha hu stess) u staqsihom jekk dawn iż-żewġ rapporti “kienux inkitbu biex jiġu mxandra”. Stqarr dak li stqarr biex jiskredita istituzzjoni importanti tal-gvern u biex jiġġustifika t-tkeċċija mingħajr raġuni ġusta ta’ żewġ investigaturi li kienu għadhom bil-probation. U b’diskorsu wissa lill-istituzzjonijiet biex jibqgħu ċassi fil-konfront ta’ dak li kkonkludew tal-FIAU.

U kien biss f’dawn il-ġranet li l-Pulizija bdiet proċeduri legali msejsin fuq dawk il-konklużjonijiet tal-2016 u wara li ħareġ ir-rapport tal-inkjesti maġisterjali li kienu ntalbu minn Simon Busuttil.

Dan m’huwiex biss każ tal-mistħija għal Edward Scicluna. Jeħtieġ ukoll li jerfa’ r-responsabbiltà politika serja. Dawn il-rapporti ma nkitbux biex imbagħad jiġu mxandra baxx baxx. Ġew imxandra għaliex kienu nkitbu biex jinizjaw proċeduri kriminali kontra Keith Schembri. Proċeduri li spiċċaw qatt ma ttieħdu.

Dan ma kienx xi żball innoċenti. L-istqarrija ta’ Edward Scicluna mhux biss kixfet lill-investigaturi tal-FIAU – li wħud minnhom spiċċaw tilfu ħobżhom – iżda ggarantiet l-impunità għall-kriminali finanzjarji. Din hi r-raġuni l-għala Malta għandha reputazzjoni daqshekk ħażina f’għajnejn id-dinja.

Id-diċenza titltob li Edward Scicluna għandu jiskuża ruħu mal-poplu talli dan kien irrefera għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-FIAU bħallikieku dawn kienu xi invenzjoni “li nkitbu biex jixxandru baxx baxx”. B’mod partikolari għandu jiskuża ruħu ma’ dawk kollha li nvestigaw dawn il-każijiet u li wrew kuraġġ kbir fil-qadi ta’ dmirijiethom.

U għandu jwarrab minn gvernatur tal-Bank Ċentrali għaliex din l-istorja (biex ma nsemmux ukoll stejjer oħrajn) turi kemm tassew iż-żarbun li tlibbes xejn ma jiġieħ.