Il-Pulizija b’mod uffiċjali ma tistax tgħid x’bi ħsiebha tagħmel b’Adrian Hillman għax il-liġi ma ttihiex is-setgħa li tikkumenta dwar persuni li jkunu għadhom ma ġewx imħarrka.
Smajna li x’aktarx Adrian Hillman għadu fir-Renju Unit u li qed isegwi kors li jwassal għal dottorat minn Università f’London. Peress li qed isegwi PhD permezz tar-riċerka u minħabba l-imxijja, ma naħsibx li l-assenza tiegħu ser tkun innutata. Dan l-aħħar tella’ tweet biex igħidilna li għadu ħaj u li jiġi jaqa’ u jqum mill-fehma tagħna dwar l-imġieba tiegħu.
Id-delitti li dwarhom qed jiġu mixlija Keith Schembri u sħabu jinvolvu wkoll lil Adrian Hillman. Ma jistax iżomm lilu nnifsu ‘l bogħod, għalkemm m’hemmx dubju li dak hu li jixtieq jagħmel. Ċertament m’għandux jitħalla jgħaddiha lixxa.
Meta ser jinħareġ kontrih l-international arrest warrant? Niftakru li l-Pulizija ta’ Malta kienet ħarġet international arrest warrant kontra Maria Efimova meta Ali Sadr Hashemi Nejad kien xlieha li kienet serqitlu €2,000 biex setgħet xtrat biljetti tal-ajru għaliha u għall-familja tagħha għal vjaġġ lura lejn il-Greċja. M’għandniex xi ngħidu, Ali Sadr baqa’ ma qalx li kellu jagħtiha b’kemm jiswew tliet xhur salarju.
Iżda l-punt m’huwiex dak.
Jekk akkuża ta’ miżapproprjazzjoni ta’ €2,000 kienet il-ġustifikazzjoni biex tinħareġ international arrest warrant u biex tinbeda’ battalja legali f’Ateni biex Maria Efimova setgħet titkaxkar lura lejn Malta (b’xorti tajba, ma rnexxielhomx), kif għadha ma nħarġitx international arrest warrant kontra Adrian Hillman li ffroda għal madwar 350 darba dak li ġiet mixlija bih Efimova, każ li fih il-vittma kien ukoll il-poplu għaliex kienu Schembri u Hillman li bgħabsu b’għotjiet tal-Malta Enterprise?
Il-Pulizija tista’ tgħid li l-liġi ma tippermettilhomx li jgħidu pubblikament humiex ser jixlu jew le lil Adrian Hillman.
Mela jistgħu jgħidulna humiex qed ifittxuh jew le? Fejn jinsab?