Tiftakruh l-“iskandlu” tal-BWSC? Tiftakruhom l-akkużi dwar korruzzjoni? Dak iż-żmien jien kont naħdem fil-Ministeru responsabbli għall-Enemalta u kont il-kap tal-assistenti personali ta’ Austin Gatt. Jien kont preżenti meta kienu saru laqgħat ma’ uffiċjali tal-Enemalta dakinhar li ttieħdet id-deċiżjoni li jinxtara l-impjant il-ġdid. U mbagħad, kif kien jiġri s-soltu dak iż-żmien, id-deċiżjonijiet dwar x’kwalità ta’ impjant kellu jinxtara, mingħand min kien ser jinxtara u kemm kellu jiswa’ ttieħdu mill-esperti.
Il-kuntratt tal-BWSC kien ingħata lill-aktar fornitur effiċjenti li tefa’ offerta li kienet konformi mal-ħtiġijiet tal-Enemalta, mal-ħtiġijiet tal-liġi Maltija u mad-direttivi Ewropej.
U l-uffiċjali tal-Enemalta flimkien mal-esperti kienu għażlu fornitur mingħajr l-iċken intervent jew indħil ta’ ħadd.
Dak iż-żmien il-prim ministru tal-Iżrael, Ehud Olmert, kien ċempel lill-prim ministru ta’ Malta, Lawrence Gonzi, biex jipperswadih jagħti l-appoġġ tiegħu lil kompetitur ieħor li kien għamel offerta. Lil Ehud Olmert, Lawrence Gonzi kien bgħatu jixxejjer. Ta’ min igħid li Ehud Olmert aktar tard kien intbagħat il-ħabs wara li nstab ħati mill-qrati ta’ pajjiżu dwar korruzzjoni.
Għaldaqstant, jekk xejn, dak iż-żmien il-pressjoni kienet ġejja minn naħa ta’ politiċi Maltin għan-nom ta’ min tilef l-offerta u li ma kienet saret ebda pressjoni, kif xela’ falz il-Partit Laburista, minn politiċi Maltin favur min rebaħ l-offerta.
Il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni xandret rapport li jgħid li ma rriżultax li kienet saret xi forma ta’ pressjoni. Il-Kummissjoni semgħat ix-xhieda tal-uffiċjali kollha tal-Enemalta li kellhom x’jaqsmu mal-kuntratt u dawn ilkoll iddifendew l-għażla li kienet saret fl-2010 imsejsa fuq raġunijiet tekniċi u finanzjarji.
Xi konklużjonijiet:
Il-korruzzjoni ma ġietx ivvintata fl-2013 iżda ċertament ma jistgħux isiru paraguni ma’ dak li saħħ qabel l-2013 ma’ dak li seħħ minn dakinhar sal-lum.
Il-Kummissjoni damet 12 il-sena biex lestiet ir-rapport li kkonkluda li l-allegazzjonijiet ta’ Joseph Muscat fl-2010 kienu biss gideb malizzjużi.
12 il-sena kienu wisq.