Issa ilna żmien twil mhux ħażin nippruvaw nagħmlu rikostruzzjoni f’moħħna u f’kitbietna tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Smajna x-xhieda ta’ binha Matthew. Smajna x’kellhom xi jgħidu xhieda li raw b’għajnejhom. U smajna wkoll ir-rikostruzzjonijiet tal-esperti forensiċi.

U llum smajna x-xhieda ta’ wieħed mill-qattiela. Dan ftakar dwar il-mod kif kellmuh dwar il-persuna li kienet ser tkun fil-mira tiegħu bħallikieku tawħ ordni biex iforni biċċa għamara għal xi ras kbira. Smajnieh jixhed dwar il-mod kif innegozjaw il-prezz u kif tħallsu bħallikieku din kienet xi biċċa xogħol normali. Smajnieh jirreferi għad-diskors li għadda bejniethom dwar il-mod kif kienu bi ħsiebhom joqtluha, dwar x’arma kienet ser tintuża u dwar kif kollox kellu jimxi skond pjan. Smajnieh jixhed dwar il-possibilità li jinqatlu wkoll dawk li setgħu kienu magħha jew lil min inzerta kien fit-triq viċin tagħha.

Xehed dwar il-mod kif segwew il-passi tagħha u kif żammew għajnejhom fuqha. Dwar kif raw mara fuq xogħolha u ħasbu biss fil-kemxa flus li kienu ser jagħmlu bis-saħħa tal-qtil tagħha. Dwar il-pressjoni li saritilhom biex jeħilsu minnha għaliex kien hemm min beża’ li kienet ser ixxandar informazzjoni taħraq li kellha f’idejha. Dwar kif kienu fehmu li joqtlu persuna minħabba x-xogħol li kienet qed twettaq.

Dwar kif ma skantaw xejn li kellhom politiku jgħinhom biex jitwettaq id-delitt. Dwar il-fatt li lanqas biss għadditilhom minn rashom li jkollhom problema f’ħoġorhom jekk Chris Cardona kien jaf li kienu bi ħsiebhom joqtlu lil Daphne Caruana Galizia u dwar kemm kienu ser jitħallsu biex iwettqu d-delitt. Dwar kif sħabu qalulu li kienu ltaqgħu ma’ Chris Cardona f’postijiet differenti – fil-ministeru tiegħu, fil-kwartier ġenerali tal-partit tiegħu u f’ħanut tax-xorb fis-Siġġiewi.

Dwar kif David Gatt lill-qattiela qalilhom li kien jaf x’kien bi ħsiebhom jagħmlu. Dwar kif kien sar jaf x’kien ser jagħmlu mingħand Keith Schembri. Dwar kif dawn il-persuni kollha kienu jafu li Daphne kienet ser tinqatel qabel fil-fatt inqatlet.

Dwar kif Silvio Valletta kien qed iwasslilhom l-informazzjoni. Dan kien imexxi d-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali u kien jaf minn fejn kellu jgħaddi.

Wieħed mill-qattiela xehed dwar kif waslu biex joqtluha. Għalih dan il-qtil kien bħal qisu xarba ta’ tazz’ilma. Xehed dwar id-diskors li għadda dwar kemm kellha tkun qawwija l-bomba, l-post fejn kellhom iqiegħeduha u l-aħjar ħin biex jixgħalu l-miċċa.

Xehed dwar meta kien irċieva telefonata f’jum tal-Ħadd filgħaxija waqt li kien qed isuq karrozza. Dwar kif kien ħassu urtat li kellu jaħdem sa tard filgħaxija bil-konsegwenza li ma kienx qed jorqod biżżejjed. Dwar kif ħass f’moħħu li kien assuma r-riskju kollu meta ġie mġiegħel iwassal il-bomba u dwar kif ma ta ebda każ tal-ħerba li dik il-bomba kienet ser tħalli warajha.

Xehed dwar kif wieħed mill-assassini rabat mal-bomba flixkun mimli bil-petrol u dan biex iserraħ rasu li bis-saħħa tal-500 gramma ta’ TNT il-vittma tinqatel żgur.

Bħala persuna għamja minn għajn waħda, xehed li ma kienx sema’ l-isplużjoni u li ma kienx ċert jekk id-duħħan iswed li ra jogħla mas-swewwiet kienx biżżejjed biex inqatlet il-vittma.

Xehed dwar l-iskantament li kellu għall-fatt li n-nies kienet irrabjata li l-vittma tagħhom kienet ġiet assassinata. Għaliex ħadd ma kien ipprotesta fit-toroq meta kienu nqatlu jew ġew feruti persuni oħrajn.

Xehed li sa minn tliet ġimgħat qabel, kienu tarrfulu li kien ser jinġabar mill-Pulizija. Dwar kif sħabu qalulu li din l-informazzjoni kienet waslitilhom mingħand Chris Cardona. Dwar kif kienu jafu li dan kien ikun ta’ spiss fil-Ferdinand Bar, minkejja l-fatt li Chris Cardona dan ċaħdu kemm il-darba. Dwar kif kienu serrħulhom rashom li ma kienux ser idumu wisq taħt arrest u li ser ikollhom numru ta’ rjus kbar jaqbżu għalihom sabiex jinħelsu.

Ċensu Muscat il-Koħħu xehed dan kollu.

Il-Pulizija din l-istorja semgħetha kemm il-darba sa minn April 2018. Kienu semgħewha l-ewwel darba f’April 2018, jiġifieri 3 snin ilu. Ġaladarba ressquh il-qorti, sinjal li l-Pulizija fehmu li din l-istorja tal-Koħħu kienet waħda kredibbli u konsistenti.

Tul dawn ix-xhur kollha li għaddew stajna biss nimmaġinaw x’kien għadda mill-imħuħ tal-qattiela. Issa nafu x’kien għadda.

Ftit jiem ilu, Robert Abela qalilna li Ċensu Muscat ma kienx semma’ politiċi. U l-Kummissarju tal-Pulizija qalilna li kull min kellu x’jaqsam ma’ dan id-delitt jinsab taħt arrest.

Issa nafu xort’oħra.