Matul konferenza stampa riċenti qabel dik tal-bieraħ, il-prim ministru kien stqarr li jqis lilu nnifsu bħala l-anġlu kustodju tal-libertà ġurnalistika. “Inwiegħed li nkun id-difensur tal-ġurnalisti kollha” qal lill-udjenza li kellu quddiemu. Dan id-diskors qalu lejn l-aħħar ta’ Jannar, ftit aktar minn xahar ilu.

Il-bieraħ deher li qabżitlu meta Tim Diacono tal-Lovin Malta staqsieh jekk kienx bi ħsiebu jiskuża ruħu mas-sidien tar-ristoranti wara li hu kien wiegħedhom li ma kienx bi ħsiebu jagħlaqhom. Kien biss matul il-ġimgħa li għaddiet li l-gvern neħħa ordni biex ir-ristoranti jagħlqu fil-11 ta’ bil-lejl biex b’hekk ta l-impressjoni lin-nies li l-ħajja bil-mod il-mod qed terġa’ lura għal li kienet qabel ħakmitna l-imxijja.

U mbagħad reġgħet qabżitlu hekk kif Nicole Meilak tal-MaltaToday staqsiet lil Charmaine Gauci dwar jekk tħossx li għandha terfa’ r-responsabbiltà u twarrab talli naqset li tagħmel reżistenza kontra l-ottimiżmu żejjed tal-prim ministru u li tinsisti fuq l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet biex b’hekk inkunu f’pożizzjoni aħjar li ngħelbu lill-imxijja.

Il-bieraħ aċċennajt dwar il-mod kif lill-Prim Ministru qabżitlu u kif  tilef sabru. Ktibt ukoll dwar il-fatt li l-qrara li għamel li hu jinsab taħt pressjoni kbira minħabba l-imxijja wriet li ninsabu f’periklu aktar serju milli kien maħsub għaliex jidher ninsabu mmexxijin minn persuna li aktar moħħha biex tiżgura l-popolarità tagħha milli li tikkonċentra l-isforzi kollha fuq xogħolha.

Iżda domna xi ftit ma ntbaħna li l-imġieba tal-prim ministru kienet waħda irresponsabbli fil-konfront ta’ żewġ ġurnalisti li għamlulu mistoqsijiet iebsin. Issa Tim Diacono u Nicole Meilak jinsabu fil-mira ta’ armata sħiħa ta’ trolls mħarrġa apposta minn Joseph Muscat li ma jifilħux jaraw lill-idolu tagħhom bid-dmugħ iġelben ma’ ħaddejh.

Il-bieraħ ma kellniex prim minstru li jġib ruħu kif wiegħed bħala d-difensur tal-ġurnalisti. Kellna ċorma partitarji jiddefendu lill-prim ministru u jgħajjru lill-ġurnalisti.

Kienu l-ġurnalisti stess li spiċċaw jiddefendu lil sħabhom. Agħtu daqqa t’għajn lejn il-kitbiet li ġejjin:

Robert Abela m’hu jiddefendi lil ħadd ħlief lilu nnifsu. U jidher li ma tantx jinqala’ biex joħroġ tarka u jistkenn warajha.

Araw ftit kif il-lagħqin tiegħu Byron Camilleri, Edward Zammit Lewis kif ukoll Anġlu Farrugia għamlu minn kollox biex ma jixxandarx ir-rapport ta’ George Hyzler dwar l-abbużi kontra l-etika li wettaq Joseph Muscat dakinhar li l-manigoldi tiegħu qaflu lill-ġurnalisti f’kamra f’Kastilja.

Dawn jidher li ma jridux lill-Istat jirrikonoxxi li kien seħħ abbuż biex b’hekk kulħadd ikun jista’ jieħu tagħlima minnu.

Min jaf għadx jasal dak il-jum li fih Robert Abela jitħajjar jaqfel lill-ġurnalisti għal darb’oħra biex b’hekk iżommhom milli jagħmlulu mistoqsijiet li jistgħu jqabbżuhielu?