Kien patetiku Robert Abela waqt il-konferenza stampa tal-lum dwar l-imxijja. U kien superfiċjali u ardit fit-tweġibiet li ta għan-nom tal-gvern tiegħu. F’ħin minnhom deher li ntebaħ li kien qed jagħżaq u stqarr li ma kienx f’sikktu u li kien qed jieħu l-mediċini.

Iżda stqarr ukoll li l-pressjonijiet tal-kariga li qed jokkupa qed ikissruh. Din m’hix ħaġa li ntebaħ biha llum. Ilmenta bix-xorti ħażina li sab ruħu bħala prim ministru f’nofs pandemija li ma kienx ħolom biha meta ddeċieda li jtellaq għall-kariga.

Għal darb’oħra l-pajjiż qed ibati l-konsegwenzi tal-għażla ta’ numru ta’ tesserati li ddeċidew favur kaxxa magħluqa. L-ewwel ħatra pubblika li qatt kellu Robert Abela kienet bħala mexxej. U mbagħad sab l-imxijja ma’ wiċċu.

Dawk li huma nfettati bl-imxijja u li qed imutu jinsabu taħt il-gwida ta’ gvern immexxi minn bniedem li llum deher jiġġarraf quddiem għajnejna stess.

Li kieku Robert Abela kellu jċedi l-armi u jirtira kmieni mill-ħatra, forsi jkollna għalxiex nissimpatizzaw miegħu. Il-verità hi li ż-żminijiet li ninsabu għaddejjin minnhom huma iebsin ferm għal kwalsiasi mexxej ta’ gvern. Iżda ċertament m’hemmx lok għal simpatiji għaliex ir-responsabbiltà aħħarija tinsab fuq spallejh. Huwa ċar li libes żarbun li ma jiġieħx, imissu jwarrab u postu jieħdu ħaddieħor.

Min jeħodlu postu għandu jkun bniedem realistiku li ma joħlomx b’ottimiżmu mhux ġustifikat.

Jidher li x-xini tal-prim ministru wasal biex jinkalja.