Ma nistax nimmaġina kif dan li ser nikteb b’xi mod jista’ jagħti pjaċir lil xi ħadd. Iżda bl-eċċezzjoni tat-trolls lealissimi, ħadd m’għad għandu fiduċja li d-direttivi li jagħti l-gvern qed iservu biex tiġi miġġielda l-imxijja.

Ninsabu f’sitwazzjoni disastruża.

Wasalna f’estremità li fiha l-president tal-għaqda tat-tobba qed igħid lin-nies biex ma joqgħodux jistennew li jinħarġu direttivi mill-gvern u biex jibqgħu f’darhom.  M’għandniex innaqqsu s-sinjifikat ta’ din l-istqarrija. Imxijja bħal din ma nistgħux niġġieldulha biss bis-saħħa tat-tilqim u bis-saħħa tal-mediċini. Għal din l-aħħar sena, d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, l-imġieba tal-poplu u t-tmexxija tal-awtoritajiet huma kruċjali bil-għan li jiġi evitat diżastru mediku.    F’sens wieħed, Robert Abela huwa t-“tabib” ewlieni. U dan it-“tabib” ewlieni jidher li libes żarbun li ma jiġieħx u t-tobba l-oħrajn qed isostnu fil-beraħ li m’għandniex nagħtu kasu.

Isimgħu ftit x’kellha xi tgħid din it-telespettatriċi permezz tat-telefon waqt programm televiżiv. Nemmen li bosta kienu dawk li obdew id-direttivi li ħareġ il-gvern għaliex ittamaw li l-awtoritajiet tassew riedu jħarsulhom saħħithom. 

Iżda l-vavu ta’ prim ministru li għandna għoġbu jimmina l-ħila tal-gvern li jmexxi. U dakinhar li ħafer il-multi li kienu twaħħlu b’rabta mal-ksur tad-direttivi dwar l-imxijja, kisser il-kredibitilità ta’ dawk jinfurzaw il-liġijiet.

Meta kien qal li kellna l-ħtieġa ta’ field hospital biex iserraħ lill-Isptar Mater Dei u mbagħad stqarr bil-maqlub u issa siket totalment, bdejna niddubitaw jekk it-tobba humiex ser ikunu kostretti jagħmlu għażliet li sena ilu bżajna ser ikollhom jagħmlu u jiddeċiedu huma dwar min għandu jingħata l-kura u dwar min għandu jibqa’ mingħajrha.

Dakinhar li l-imxijja ma ħadhiex bis-serjetà u għamel vjaġġ wara l-ieħor lejn Sqallija bil-lanċa tiegħu, ma setgħax jippretendi li l-poplu jġib ruħu b’mod dixxiplinat meta niġu bżonn id-dixxiplina.

U issa araw f’liema sqaq daħħalna fih.

Dakinhar li ftaħar bil-wasla tal-vaċċin bis-saħħa tal-pakkett negozjat mill-Unjoni Ewropea, lin-nies tahom l-impressjoni falza li ma kellhomx għalfejn iħabblu rashom aktar dwar l-imxijja.

Dakinhar li wiegħed li m’hu ser jaċċetta qatt li jsir lockdown, huwa abbanduna għodda importanti li għandu l-poplu biex inaqqas il-firxa tal-imxijja kif kien spjegalna b’tant pompa Chris Fearne. spjega li issa jidher li nesieha.

Illum xi ħadd qal li l-gvern qed jiltaqa’ biex jiskopri kelma oħra li tfisser lockdown. F’dan l-istadju, ma jidhirx li hemm alternattiva oħra. Issa qed jiġu nfettati t-tfal tal-iskola. Qed niġu mwissija mit-tobba li l-isptar jinsab fix-xifer.

Tiftakru meta kienu qalulna li t-tobba għandhom bżonn l-appoġġ tagħna? Dan l-appoġġ m’humiex isibuh mingħand il-gvern. Il-gvern jidher li ma jridx igħidilna dak li issa lkoll nafu x’jeħtieġ li jseħħ.

Jista’ jkun li l-poplu ta’ dan il-pajjiż injora l-korruzzjoni għax twebbel bil-wegħdi tal-aqwa żmien. Iżda l-poplu ċertament m’huwiex ser jinjora l-konsegwenzi perikolużi tal-inkompetenza.