Il-bieraħ il-ġurnalista Victor Paul Borg laqat il-musmar fuq rasu permezz ta’ kitbietu.

Wara li seħħet dik il-famuża konferenza stampa ta’ Robert Abela li fiha għoġbu jattakka lill-ġurnalisti talli dawn ażżardaw jistaqsuh mistoqsijiet skomdi u li matulha stqarr li kien qed iħossu sturdut u li ma messux kien xogħol għax ma kienx jiflaħ, bosta kienu dawk li ntebħu li Kastilja għaddejja minn baħar imqalleb.

Ir-riżultat tas-sondaġġ tal-Malta Today jagħti stampa aktar ċara. S’issa m’hemmx periklu li tal-Labour jitilfu l-elezzjoni li ġejja. Iżda għal partit li hu mdorri li jirbaħ bil-kbir u li jumilja lill-avversarju tiegħu, hija xokkanti għalih meta jara l-maġġoranza li għandu dejjem tiċkien. Diffiċli għal tal-Labour li jwarrbu l-impunità li tinħoloq minn mentalità li tiġi taqa’ u tqum mill-iżbalji tal-gvern jew mid-delitti kriminali li jwettqu dawk li jmexxuh.

Is-Sunday Times of Malta llum issuktat bis-sensiela ta’ stejjer dwar ir-rabtiet li kellu Yorgen Fenech ma’ Johann Buttigieg — l-istess bniedem li lil Konrad Mizzi kien tah konsulenza tiswa’ l-eluf dakinhar li warrab skreditat — li nkixef bħala biċċa għodda oħra fil-kaxxa ffullata li kellu Yorgen Fenech.

Kien hemm leġġenda dwar kif iċ-ċiklopi kienu tilfu wieħed mill-par għajnejn tagħhom. Dawn kienu ftehmu mal-allat li jitilfu d-dawl ta’ għajn waħda bi tpartit mal-ħila li jbassru l-futur. L-allat daħku bihom. Hadulhom id-dawl ta’ għajn waħda u ppermettewlhom li jsiru jafu ħaġa waħda biss dwar il-futur tagħhom: il-jum li fih kellhom imutu. U wara esperjenza bħal din, spiċċaw biex waqgħu f’disprament.

Robert Abela jaf ħafna aktar milli taf int. Jaf kollox dwar dak li nkixef bis-saħħa tal-messaġġi li bgħat u li rċieva Yorgen Fenech matul is-sena li fiha nkixef bħala sid is-17 Black u dakinhar li ġie mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għaldaqstant kull darba li taqra xi storja ġdida u kull darba li tinsa’ din li tkun ixxandret il-ġimgħa ta’ qabel, Robert Abela jgħaddi minn esperjenza li tkun bil-maqlub. Ikun qed jgħodd l-istejjer li għad ikunu jridu jaraw id-dawl tax-xemx.

Din hi esperjenza li taf iġġennek. Kull darba li jġiegħel li xi ħadd biex iwarrab, jaqlagħha fuq rasu mill-partit tiegħu. U kull darba li tinkixef storja oħra u jipprova jżomm fil-wiċċ, jitlef ftit ieħor mill-appoġġ elettorali li jeħtieġ biex ikun jista’ jgħid li elettoralment jinsab f’pożizzjoni b’saħħitha u li ħadd ma jista’ għalih.

Din il-ġimgħa ma kienx hemm biss għajjat mal-ġurnalisti. Fil-mira kien hemm ukoll Jason Azzopardi. U issa għandna l-attentat biex jeqirdu lil Repubblika bis-saħħa ta’ akkużi foloz ta’ tberbiq ta’ flus u ta’ propaganda favur partit politiku.

F’pajjiz li jridha ta’ wieħed demokratiku f’għajnejn id-dinja, ma nafx jekk Robert Abela jippretendix serjament li NGO għandha tiġi mġiegħelha xxolji. Ma nistax naħlef dwar dan. Ftakru biss li dan il-bniedem kien xela’ lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li mhux veru jridu li ssir ġustizzja magħha u dan talli fittxew li jieħdu parir mingħand ditta legali Ngliża.

Iżda anki saħansitra qabel jasal biex formalment jeqred lil Repubblika, Robert Abela jrid lin-nies titkellem inqas dwar ir-rabtiet mill-qrib li l-gvern tiegħu għandu mal-mafja u titkellem aktar dwar Jason Azzopardi, dwar il-ġurnalisti arditi u dwar NGOs li m’għandhomx ħajta f’ilsienhom.

Qed jagħfas fuq kwistjonijiet li fihom jara ċerta dgħjufija billi jipprova jiżola ġurnalisti individwali.

Bħala regola, l-ġurnalisti ma tantx jaqbżu għal xulxin u ta’ sikwit issibhom jikkritikaw lil xulxin. Li kieku l-ġimgħa li għaddiet matul il-konferenza stampa kien hemm aktar għaqda bejn il-ġurnalisti, dawn kienu jaqbdu u jitilqu ‘l barra flimkien u kienu jħalluh waħdu mal-lagħqi tiegħu tal-One TV.

Robert Abela hu mdorri wkoll b’oppożizzjoni mifruda. Jason Azzopardi hu mira faċli u dak li kien mexxej tal-PN ma kienx jaħsibha darbtejn biex jittradih. Din il-ġimgħa Bernard Grech ddefendih iżda t-tensjonijiet huma palpabbli kull darba li jitfaċċa Adrian Delia fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni.

Interessanti l-attakk li qed isir fuq Repubblika. Sa sentejn ilu, tal-Labour kellhom l-koperazzjoni tal-mezzi tax-xandir tal-PN meta dawn kienu dawru l-kanuni tagħhom fuq attivisti tal-Occupy Justice u xlewhom li kienu qed jagħmelu kampanja favur l-abort u jdaħħlu f’buthom flejjes miġburin. Illum xenarju bħal dan ma jistax iseħħ iżda Robert Abela xorta waħda għadu jittama li jkun jista’ juża l-arma tal-iżolament.

Kemm il-darba tal-PN jagħżlu li joħorġu għonqhom biex jiddefendu lil Repubblika, jkunu qed jagħtu kredibilità lix-xilja falza li tal-PN u Repubblika huma żewġ naħat ta’ munita waħda. Għaldaqstant Robert Abela qed jistenna li tal-PN ser iżommu pass lura.

Il-qofol tal-kwistjoni hu dwar jekk NGOs oħrajn humiex ser jintebħu li din hi theddida fil-konfront tagħhom ukoll. Ejjew għal mument ninsew l-akkużi foloz ta’ tberbiq u ta’ tmexxija ħażina. Robert Abela jaf daqsi li dawn ix-xiljiet saru biex ibaqbqu lit-trolls tal-Labour fil-Facebook. U dawn it-trolls qegħdin hemm biex jaqdu l-interessi ta’ Yorgen Fenech li jrid isikket lil Repubblika daqskemm irid isikkitha Robert Abela. Araw x’kitbet Anna Mallia, mħallef part-time, partitarja akkanita Laburista u avukata ta’ Yorgen Fenech:

Apparti kollox, il-gvern mhux ser ikollu l-ħila li jsostni dawn ix-xiljiet finanzjarji għar-raġuni li huma foloz.

Iżda aħsbu ftit dwar l-akkuża li Repubblika hi għaqda partiġġjana u li għaldaqstant għandha tiġi mġiegħelha xxolji. Il-“provi” li ġab il-gvern jikkonsistu f’artikli li nkitbu fil-ġurnali minn Vicki Ann Cremona, minn Alessandra Dee Crespo u minni, liema artikli jikkritikaw lill-gvern. U biex tkompli tagħqad, il-gvern semma’ l-fatt li Repubblika kienet għamlet is-sottomissjonijiet tagħha quddiem l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-kwistjoni m’hix daqstant dwar dak li qalet Repubblika. Hi aktar dwar il-fatt li ażżardat tesprimi ruħħa.

L-NGOs kollha għandhom jifhmu l-implikazzjonijiet ta’ dan kollu. Jekk uffiċjal ta’ NGO ambjentali jikteb sensiela ta’ artikli li, per eżempju, jikkritikaw il-politika tal-gvern fejn għandha x’taqsam l-industrija tal-bini; jekk, per eżempju, NGO tfassal politika dwar ir-regoli tal-ippjanar; jekk NGO ssejjaħ protesti fit-toroq kontra xi inizjattiva tal-gvern, skond l-istess gvern dawn ma jkunux qed iġibu ruħħom kif suppost. Speċjalment jekk jinzerta li l-oppożizzjoni parlamentari taqbel mal-fehmiet tagħhom.

Skont il-gvern, dan ikun biżżejjed biex il-kummissarju tal-għaqdiet volontarji jkollu d-dritt jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu u jxolji lil dawn l-għaqdiet.

Din l-Art Ħelwa, Moviment Graffitti u NGOs oħrajn li jaħdmu f’oqsma oħrajn li juru li ma jaqblux mal-politika tal-gvern ikunu qed jirriskjaw ix-xoljiment. U dan jista’ jwassal ukoll biex saħansitra jiġi xolt każin ta’ banda kemm il-darba jkun hemm membru tal-kumitat li jikteb artiklu bi kritika lill-gvern. Proprju hawn jeżisti l-periklu.

Robert Abela qed jittama li meta jixli ġurnalist individwali, sħabu l-ġurnalisti l-oħra u NGO’s mhux ser jitniffsu biex jiddefenduh. Ċertament ikun hemm min jippreferi li jsodd ħalqu biex ma jidhirx ikraħ.

Dan huwa l-mod li bih it-tiranni jgħadduha lixxa.

Dan huwa l-mod kif tinqered id-demokrazija.