Dak li seħħ u dak li għadu qed iseħħ fil-pajjiż jistħoqq li jkun is-suġġett ta’ dibattitu nazzjonali. Niġi naqa’ u nqum li x’aktarx Robert Abela qed isibha diffiċli ħafna biex ma ssirx ħsara lill-partit tiegħu. Jekk ifaħħar lill-istituzzjonijiet u lilu nnifsu talli ppermettielhom jaħdmu, ikun qed jammetti li dawn wettqu xogħolhom sewwa u fl-istess ħin ikun qed jikkundanna lil Keith Schembri.

Jekk imbagħad politikament jikkundanna lil Keith Schembri, indirettament ikun qed jikkundanna wkoll lill-Partit Laburista kollu kemm hu (apparti lilu nnifsu). Ikun ikollu jwieġeb talli kien ta palata lil Keith Schembri. M’għandniex xi ngħidu, dawn jafu li dak li għadu kif seħħ huwa biss farka żgħira li tidher fil-wiċċ minn iceberg kbir li għadu mgħotti taħt l-ilma.

Mill-banda l-oħra, jekk jagħti l-appoġġ tiegħu għal dak li stqarr Keith Schembri fis-sens li dan huwa vittma tal-“establishment Nazzjonalista”, Robert Abela jkun qed jimmina lill-istituzzjonijiet u fl-istess waqt jagħti raġun lil dawk kollha li ilhom jipprotestaw kontra l-indħil politiku fix-xogħol tal-pulizija, liema protesti kien sejjħilhom bħala “provokazzjoni” u li kien jeħtieġ li jieqfu. M’għandniex xi ngħidu, d-differenza tikkonsisti fil-fatt li hu għandu fehma differenti dwar minn fejn ġej l-indħil, iżda xorta waħda jkun qed jammetti li l-pulizija m’huma xejn ħlief pupazzi.  B’raġunament bħal dan, ikun qed jarmi l-baħar il-ftaħir kollu li ftaħar bih matul dawn l-aħħar 14 il-xahar kif ukoll il-ftaħir vojt tiegħu dwar ir-“rebħa” li għamel fuq l-imxijja.

Il-PN, sa ċertu punt, għandu wkoll ikun skomdu jieħu sehem f’dibattitu bħal dan. Dawn għad iridu li jipprovdu it-tweġibiet tagħhom dwar l-imġieba ta’ Adrian Delia, Pierre Portelli u ta ‘ persuni oħra li lil dawn it-tnejn kienu tawhom palata. Dwar dawn niġi naqa’ u nqum ukoll.

Sabiex dan id-dibattitu jħalli frott bnin ikun jeħtieġ li nduru dawra magħna nfusna b’sinċerità.

Meta fil-Parlament Ewropew tkellmu kontra li jsir d-dibattitu, Alex Agius Saliba u Cyrus Engerer urew lid-dinja li m’għandhomx il-ħila li, per eżempju, jiffaċċjaw il-verità dwar Keith Schembri. It-talba tal-Partit Popolari Ewropew sabiex iseħħ dibattitu saret qabel iżviluppi ta’ dawn l-aħħar ġranet u wara li l-Koħħu xehed fil-qorti u semma’ lil Chris Cardona (u, sa ċertu punt, lil Keith Schembri wkoll).

Din it-talba biex isir dibattitu issa saret aktar importanti u urġenti. Jeħtieġ li kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa ssir analiżi politika dwar dak li tħalla li jseħħ. U bl-istess mod li bih Keith Schembri tkaxkar lejn il-ħabs ta’ Kordin, dawk kollha li tawh palata jeħtieġ li jinkixfu.

Alex Agius Saliba u Cyrus Engerer qed jiddefendu lil Keith Schembri għaliex kienu Joseph Muscat u Keith Schembri stess li sqewlhom il-ħajja politika tagħhom. Jinsabu fil-politika grazzi għal dawn iż-żewġ parrini.

U, grazzi wkoll għal dawn il-parrini, bħala membri tal-kabinett hemm persuni nkompetenti li jinsabu liebsin żarbun li qajla jiġihom bħal Byron Camilleri, Silvio Schembri, Owen Bonnici, Ian Borg, Edward Zammit Lewis, Roderick Galdes, Julia Farrugia Portelli, Aaron Farrugia u Clint Camilleri. Dawn jafu posthom lil Keith Schembri u lil Joseph Muscat. Mingħajrhom u mingħajr il-korruzzjoni li kien jeħtieġ li jgħattu bis-saħħa ta’ grupp grat ta’ lagħqin fil-kabinett, ir-roadmap korrotta ma setgħet qatt tiġi mplimentata.

U mbagħad hemm saff aktar għoli: membri tal-kabinett li riedu jiġbdu lejn xawwathom bħal Michael Farrugia, Justyne Caruana, Rosianne Cutajar, Carmelo Abela, Chris Cardona, Konrad Mizzi, Manuel Mallia u Michael Falzon.

U żewġ tarġiet ‘l isfel minn dawn, hemm dawk li servew ta’ staffa għall-imgħallmin ta’ fuqhom biex setgħu qalgħu niskata ta’ prestiġju u ta’ importanza li ma kienux jaqilgħuhom li kieku ma kellhomx lil min jaqlagħhom: Glenn Bedingfield, Karl Stagno Navarra, Jason Micallef, Josef Caruana, Kurt Farrugia, Tony Zarb, Jeffrey Pullicino Orlando, Robert Musumeci u oħrajn.

U fl-aħħarnett dawk li għamlu l-kompromessi mal-kuxjenza u li għamlu tabirruħom li ma kienu raw xejn: Evarist Bartolo, George Vella, Anġlu Farrugia, Alfred Sant, Josè Herrera, Chris Fearne, Deo Debattista u oħrajn.

Li kieku dawn ma tawx il-palata li kienu taw u ddeċidew li jiffaċċjaw ir-realtà, l-ħajja politika tagħhom kienet tintemm ħesrem. Kif kienet ukoll tintemm ħesrem il-“karriera” politika (jekk nistgħu nsejjħulha hekk) ta’ Adrian Delia. Dan igħodd ukoll għal dawk li taw palata lil Adrian Delia bħaż-żewġ deputati mexxejja li hemm bħalissa.

Li kieku kellha tiġi rinfaċċjata r-realtà, jseħħ terremot fix-xenarju politiku tagħna u fost dawk li jibqgħu jimirħu fil-wiċċ ikun jkun hemm dawk il-politiċi li għal tant u tant snin kien hemm min iddieħek bihom u heddihom. Mal-65% tad-deputati parlamentari jispiċċaw barra.

Jekk ir-realtà tiġi rinfaċċjata sewwa, ma jintlaqtux biss uħud minn dawk li ġew eletti. Jintlaqtu wkoll ta’ taħthom li gawdew mill-korruzzjoni u mill-kriminalità bħal Joe Cuschieri, Johann Buttigieg, Heathcliff Farrugia, Karl Izzo u James Piscopo.

Mhux ta’ b’xejn li d-dibattitu fil-Parlament Ewropej ma jriduhx.

Għaliex huma politikament spiċċuti.