Matul il-kampanja elettorali tal-2013, riedu jbellgħuha li hi “moda” li żżomm ma’ tal-Labour. Jew kont fuq in-naħa tal- ‘moviment’ jew inkella ser tibqa’ lura għax Nazzjonalist.
Il-famuż filmat li fih tidher tfajla tlissen il-kliem ‘Dad, jien ħa nivvota lejber’ ried iwassal messaġġ li jeħtieġ li ntellgħu gvern Laburista.
Ibqgħu ċerti li dawk li huma mdorrijin li jfittxu l-iskużi għall-Partit Laburista ser igħidu li dawk li dehru f’dan il-filmat huma biss atturi. Skont dawn, setgħu forsi kienu kannibali jew persuni li jqimu lix-xitan: fi kliem ieħor, li mhux importanti l-fehma tal-atturi x’inhi.
Jien jidhirli li dan huwa tabilħaqq mportanti.
Li kieku l-atturi f’filmat maħdum mill-Partit Laburista tassew kienu kannibali jew persuni li jqimu lix-xitan, ibqgħu ċerti li jkun hemm bosta li jgħaddu r-rimarki. U din hi appuntu r-raġuni l-għala tal-Partit Laburista, f’termini ġenerali, s-soltu ma jagħżlux il-kannibali u persuni li jqimu lix-xitan biex jidhru f’filmati maħdumin minnhom.
Is-soltu.
Ftakru ftit dwar kemm kienu tkażaw u għamlu għaġeb dwar l-attivista u attriċi Pia Zammit talli din kienet libset kostum ta’ Nażista fuq palk fit-teatru. Kienu qalu li ma jgħoddx li din kienet biss qed taħdem parti.
Uċuħ bla żejt f’wiċċhom li ma jafux jistħu.
L-attriċi f’dak il-filmat – Florinda Sultana – m’hix qed tiġi mixlija bid-“delitt infami” li kienet wettqet Pia Zammit fuq il-palk. Din l-imbierka ta’ Florinda illum għandha 29 sena. Li jfisser li kellha 21 sena meta dehret f’dak il-famuż filmat tal-kampanja elettorali tal-Labour. Dak iż-żmien missierha tar-rispett kien u għadu Darren Debono. Din ġiet mixlija fil-qorti dwar delitti kriminali li wettqet b’rabta mal-attivitajiet tiegħu. Issa nkixfet bħala waħda mill-membri tal-familja mafjuża ta’ Darren Debono.
Xi drabi nsib lil min jieħu għalih meta nlaqqam lil ċerti nies bħala persuni mafjużi. Paċenzja. Darren Debono huwa mifhum li huwa wieħed mill-mexxejja ta’ konġura kriminali li ilha għaddejja għal snin twal fi tliet pajjiżi. Dan kien issieħeb fin-negozju ma’ membri tal-milizzja Libjana li serqet ammonti kbar ta’ ġid minn dak il-pajjiż u nnegozja wkoll ma’ “negozjanti” Sqallin magħrufin f’pajjiżhom bħala mafjużi.
Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, huwa mifhum li Darren Debono daħħal miegħu fil-kredu ċerti uffiċjali tal-gvern sabiex seta’ akkwista ċertifikati foloz biex ikun jista’ jwitti t-triq għan-negozju tiegħu permezz tal-kuntrabandu. U l-flejjes maħmuġin li kien akkwista bis-saħħa tal-kriminalità ħasilhom billi nvestihom fix-xiri ta’ ristoranti.
M’għandniex xi ngħidu, Darren Debono qed jiċħad l-akkużi li nġiebu kontrih.
Infakkar biss fit-theddid li kienet qalgħet Daphne Caruana Galizia mingħand membri tal-familja ta’ Darren Debono. Tabiħaqq nies taz-zokkor.
Għaldaqstant x’għandna quddiemna?
Organizzazzjoni li nħolqot biex twettaq reati kriminali. Negozju illegali ta’ oġġetti misruqin minn pajjiż għal ieħor. Tixħim ta’ impjegati pubbliċi. Ħasil ta’ flus maħmuġin. Intimidazzjoni u theddid bil-għan li ħadd ma jitniffes. Taħt il-liġijiet ta’ kontra l-mafja fl-Italja, dawn l-attivitajiet kriminali lkoll għandhom iwasslu biex iseħħu t-taħrikiet.
Iżda jonqos ukoll attività kriminali oħra. Dik ta’ meta wieħed jinfluwenza l-proċess elettorali demokratiku biex jagħti palata lill-mafja. Fl-Italja, din il-liġi ta’ spiss jagħmlu użu minnha biex ixolju kunsilli elettorali “eletti demokratikament” li jkunu nħakmu mill-mafja. Jekk int mingħalik li kunsill lokali jista’ jinħakem mill-mafja biss bl-armi u bil-bombi, għadek ma taf xejn.
Ħakma tal-mafja tista’ sseħħ bis-saħħa ta’ sponsorizzazzjoni ta’ nurseries tal-futbol, bis-saħħa tal-għajnuna li tingħata lil kandidati mafjużi biex dawn ikunu jistgħu jqassmu l-pjaċiri bi bdil ma’ voti u bis-saħħa ta’ pressjoni u intimidazzjoni mafjuża. Dawn jaslu mhux biss biex iħallsu għar-riklami fil-ġurnali u f’mezzi oħra tax-xandir, iżda jagħtu flus għall-karità u jagħmlu pjaċiri bi bdil ma’ permessi tal-bini jew self ta’ flus għan-negozju mill-istat.
U hawn x’jagħmlu? Jidhru f’filmati u jgħidulna – kif Daphne tant kienet fissritha tajjeb – “DED, I’M SORRY. LE TA, I’M NOT SORRY. I’M QUITE PROUT OF IT EKCHWILLY. JIEN HA NIVVOTA LABOUR!”
Dak iż-żmien Daphne kienet tellgħet dawn ir-ritratti ta’ Florinda Sultana u tgħidx kemm kien hemm min tkaża u xlieha bi ksur tal-privatezza, bi snobbiżmu kulturali, b’elitiżmu u b’ilsien ħażin.
Jekk int tibda’ tħoss li dan kollu m’hux ser jinżillek għasel, ftakar dejjem li dan huwa l-ilbies li xxidd il-mafja meta tkun waslet biex taħkem lil pajjiżek sabiex tkun tista’ tagħmel li trid bih. Iżda meta tiġi bżonn il-vot tiegħek, tara kif tagħmel biex titħabbeb miegħek u saħansitra tipprova tipperswadik li jekk tivvota għall-mafjużi jkun jaqbillek.