Repubblika għamlet rapport lil George Hyzler dwar Carmelo Abela talli dan nefaq flus il-poplu biex jagħmel riklami ta’ propaganda għalih innifsu.

Il-bieraħ tan-Newsbook qalu li r-rapport ikkonkluda li Carmelo Abela kiser ir-regolamenti dwar l-etika.

U r-rappreżentanti tal-Partit Laburista fuq il-kumitat parlamentari li  George Hyzler iwieġeb lejh qed jipprotestaw kontra l-fatt li tan-Newsbook kellhom kopja tar-rapport f’idejhom. Dawn qalu li xi ħadd kien għadda kopja tar-rapport lil tan-Newsbook meta dan ir-rapport suppost huwa kunfidenzjali. U għaldaqstant dawn iddeċidew li jibbojkottjaw il-laqgħat tal-kumitat parlamentari li fih kellu jiġi diskuss ir-rapport.

Ir-rappreżentanti Laburisti kienu diġà pposponew laqgħa ta’ dan il-kumitat għaliex oġġezzjonaw għall-preżenza ta’ Karol Aquilina bħala wieħed mir-rappreżentati tal-PN. Karol Aquilina jiġu ħu Robert Aquilina, il-president ta’ Repubblika, l-għaqda li kienet għamlet l-ilment. Skond ir-rappreżentati Laburisti, Karol Aquilina kellu kunflitt ta’ interess. Il-PN għaldaqstant daħħal lil ħaddieħor flok Karol Aquilina, iżda xorta waħda il-laqgħat m’humiex isiru.

Issa jien ma nafx x’raw jew ma rawx tan-Newsbook. Ma nafx jekk xi ħadd għaddielhomx kopja tar-rapport jew le. Madankollu l-fatti juru li, biex setgħu jxandru l-istorja li xandru, r-rapport ta’ George Hyzler ma kellhomx għalfejn jarawh.

Jekk wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn il-liġi, wieħed għandu jintebaħ li kull darba li l-kummissarju tal-istandards fil-ħajja pubblika ma jibgħatx kopja tar-rapport tiegħu lil min ikun għamel l-ilment, ikun għamel dan għaliex ikun għażel li jibgħat ir-rapport lill-kumitat parlamentari kompetenti. Skont il-liġi, l-kummissarju huwa fid-dmir li jibgħat ir-rapport lill-kumitat parlamentari meta jkun ikkonkluda li kien hemm ksur tar-regolamenti dwar l-etika u meta jirrakkomanda x’għandu jsir biex jingħata kastig lil min ikun kisirha.

Din il-proċedura tfisser li hekk kif ir-rapport wasal f’idejn il-kumitat parlamentari, dan ma setax ħlief ifisser li Carmelo Abela weħel mill-eżami. Għalhekk meta r-rappreżentanti tal-Labour għamlu dan l-għaġeb u din il-frattarija kollha dwar il-kxif tar-rapport, kienu qed jammettu li Carmelo Abela sab ruħu f’xi ftit tal-inkwiet.

Xi kwalità ta’ nkwiet hu dan? Ippermettuli nispjega. Il-kastig għal “ksur tar-regoli tal-etika” s-soltu jieħu l-forma ta’ ċamata politika żgħira. Carmelo Abela kiser l-etika meta nefaq flus il-poplu biex jagħmel propaganda personali għalih innifsu. Il-kumitat parlamentari għandu d-dritt li jitolbu jagħmel apoloġija u, jekk dak li jkun għamel ikun imbarazza lill-gvern bil-kbir, jista’ jiġi mġiegħel li jwarrab minn ministru.

Iżda jekk naslu għal din l-estremità, Carmelo Abela jista’ jkun li qed jistieden inkwiet ħafna akbar. U l-Pulizija jkun jeħtieġ li tara jekk Carmelo Abela kisirx il-liġijiet kriminali u għandux jittella’ l-qorti fuq abbuż fl-infieq ta’ fondi pubbliċi.

Mar-raġel ta’ Giovanna Debono l-Pulizija hekk kienet imxiet, għalkemm f’dan il-każ ma rnexxielhiex tipprova l-każ tagħha. X’aktarx din hi r-raġuni għaliex issa ddeċidew li jħarrku lil Toni Bezzina għaliex, skont huma, madwar 9 snin ilu kien qabbad ħaddiema tal-gvern biex ibajjdu kamra ta’ 12 il-metru kwadru f’każin tal-PN. Fil-każ tar-raġel ta’ Giovanna Debono, l-Pulizija kienet teħtieġ xhud li l-qorti aktar tard iddikjarat li ma kienx meqjus kredibbli. U għall-każ kontra Toni Bezzina, ser jkun jeħtieġu x-xhieda.

Ix-xogħol kollu biex il-Pulizija tkun tista’ tħarrek lil Carmelo Abela għamilulhom George Hyzler bis-saħħa ta’ rapport li qed jistenna li jiġi diskuss fil-kumitat parlamentari. X’aktarx li tal-Labour ser jagħmlu minn kollox biex itawwlu sa dakinhar li jiġi xjolt il-parlament u tissejjaħ elezzjoni.

Ser jagħmlu użu minn kull għodda politika u legali biex itellfu l-kors tal-ġustizzja sakemm tasal l-elezzjoni. Iżda dan m’hu ser inaqqas xejn mill-fatt li Carmelo Abela (u x’aktarx ministri oħra tal-gvern) abbużaw minn flus il-poplu biex jagħmlu propaganda għalihom personali.

Erġajna koppi għal li konna fl-2017. Sakemm Keith Schembri u Konrad Mizzi baqgħu jingħataw il-kenn, sakemm baqgħu ma ġewx imġiegħla jwarrbu u sakemm baqgħet ma ttieħditx azzjoni kriminali kontrihom għax Peter Grech u Lawrence Cutajar ma ridux imissuhom, tal-Partit Laburista setgħu jgħidu li dawn kienu biss “allegazzjonijiet”.

Fil-każ ta’ Keith Schembri issa nafu li dawk l-“allegazzjonijiet” jistgħu jinbidlu f’taħrikiet kriminali. Dan konna ilna nafuh iżda tal-Labour għażlu kemm felħu li jgħattulu xturu.

Meta jiġri dan, nitnikket jien u nintebaħ li n-nies m’hix tifhem li l-Partit Laburista ma tgħallem xejn mill-kriżi li qed iseħħ madwarna. Qed nirreferi għal tal-Labour għaliex huma dawn li qed jippruvaw igħaddu mill-għarbiel u qed jeħlu kontinwament. Iżda kull partit politiku li jkun konxju tal-fatt li nies fi ħdanu abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u li jagħmel minn kollox biex jipprova jgħaddihielhom lixxa, ma jkun xejn ħlief kompliċi  magħhom.

Kien Carmelo Abela li b’abbuż nefaq flus il-poplu biex jagħmel il-propaganda. Iżda huwa Robert Aquilina ta’ Repubblika li qed jitpinġa bħala l-għadu. Qed jagħmlu eżatt bħalma kienu għamlu lil Daphne Caruana Galizia. Skont tal-Labour, Repubblika m’hix tixli lil Carmelo Abela għax trid li jkun hemm governanza tajba iżda għaliex trid li Robert Aquilina n-Nazzjonalist jaħtaf il-poter minn idejn Carmelo Abela.

Dan kollu qed iseħħ fl-istess żmien li tal-Labour qed juru wiċċ b’ieħor u jagħmlu l-apoloġiji għall-“iżbalji” tal-“ftit” li ma kienx irnexxielhom ikomplu jgħattulhom xturhom.