Ma naħsibx li l-fehmiet ta’ Mark Camilleri għandhom piż biżżejjed biex magħhom iġibu l-bidliet fil-Partit Laburista. Għaldaqstant ir-rimarki li dan għadda ftit ilu dwar dak li sejjaħ bħala pressjoni li saret fuq Joseph Muscat biex idabbar ras Keith Schembri, nqishom bħala ġrajja li qed jimmaġina li seħħet u mhux li effettivament seħħet.

Iżda jibqa’ nteressanti l-fatt li Mark Camilleri jgħid li kien jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lil Joseph Muscat li kieku dan keċċa lil Keith Schembri minkejja l-fatt li kien jaf li Muscat kien imdaħħal fl-istess korruzzjoni li kien imdaħħal fiha Keith Schembri.

Din m’hi xejn ħlief loġika li tbellħek: loġika estrema li bis-saħħa tagħha l-interessi tal-partit ikun jeħtieġ li jegħlbu n-nuqqasijiet ta’ individwi.

Mark Camilleri jgħid li Joseph Muscat huwa soċjopatiku, forsi anki psikopatiku, għaliex m’għandux il-ħila li jilbes iż-żarbun ta’ ħaddieħor biex jifhem aħjar li dak li jkun qed jagħmel huwa ħażin. Ma nistax ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

Madankollu d-distakkament huwa wieħed li jwaħħax. Mingħajr ebda traċċa ta’ ndiema, Mark Camilleri jgħid li kien ikun lest li jappoġġja lil Joseph Muscat (taħt ċerti kundizzjonijiet) minkejja li jaf li hu korrott.  Dan ma jiddependix ukoll fuq il-ħila li wieħed jagħżel dak li hu ħażin?

Inkomplu dwar il-loġika tal-blieħ.

Bernard Grech għadu kemm ikkonferma l-kandidatura ta’ Adrian Delia għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. “Li kieku kelli problema dwaru, ma kienx jiġi konfermat bħala kandidat.” Ċertament Bernard Grech ma jistax igħid li “kien ikun aħjar li kieku ma jikkandidax ruħu iżda m’għandix is-saħħa li nwaqqfu. Se jkolli nibqa’ ngħix bit-tama li l-kostitwenti tiegħu jużaw rashom u ma jtellgħuħx”.

Jien ma nistax nippreżumi x’inhu għaddej minn moħħ Bernard Grech meta dan jista’ jagħti l-każ li qed jgħid xi ħaġa differenti milli naħseb jien. Iżda nistenna li persuna li qed jittama li għad ikun prim ministru m’għandux sens ta’ ġudizzju daqshekk ħażin li ma jintebaħx li Adrian Delia ma jista’ qatt ikun kandidat idoneju.

Għal dawn l-aħħar ġimgħat il-mexxej tal-PN stqarr li kien bi ħsiebu jieħu “deċiżjonijiet iebsin” kemm il-darba xi deputati parlamentari ma jagħmlux il-wisa’ minn jeddhom. Qed nimmaġina li bil-kliem “deċiżjonijiet iebsin” ried ifisser li jwaqqaf il-kandidatura tagħhom.

Kull darba li nara l-ismijiet tad-deputati parlamentari, jien ukoll ta’ sikwit nesprimi x-xewqa li nara l-uċuħ ġodda. Iżda jidher li dawn id-deputati parlamentari li ser jinżammu milli jikkandidaw ruħħom ser ikunu fallew eżami li Adrian Delia ser ikun għadda minnu. U, bejnhom u bejn ruħhom, dawn ser jistaqsu x’setgħu għamlu ħażin biex kien ħaqqhom jitħallew barra u dwar kif Adrian Delia seta’ qatt jiġi kunsidrat bħala mudell li fuqu setgħu fasslu l-imġieba tagħhom biex b’hekk  isalvaw il-ġilda politika tagħhom.

Hemm min igħid li l-politika hi l-arti tal-possibbli. Tifsira bħal din hi l-ġustifikazzjoni għaċ-ċiniżmu, għad-deċiżjonijiet u għall-imġieba li bosta huma dawk ma jkunux iridu li jkollhom x’jaqsmu magħhom. Iżda meta jiċkienu l-għażliet dwar dak li jkun possibbli, kulma jifdal ikunu  Joseph Muscat u Adrian Delia.