‘Tinsab iswed fuq l-abjad,’ stqarr il-bieraħ Robert Abela. ‘Iswed fuq l-abjad. Skont ir-riżultat tal-inkjesta, sid Egrant Inc. huwa Brian Tonna.’

L-inkjesta dwar Egrant tgħodd mal-1,500 paġna u l-intervistatur ta’ Robert Abela l-bieraħ ma kellux kopja f’idejh. Iżda Mark Laurence Zammit ftakar li r-rapport tal-inkjesta kellu jikkonkludi biss dwar jekk Joseph Muscat huwiex jew le s-sid ta’ Egrant u mhux dwar min effettivament huwa s-sid.

Robert Abela madankollu għażel li jibblaffja.

Nagħmilha ċara li r-rapport tal-inkjesta ma jikkonkludix li s-sidien tal-Egrant m’humiex Joseph u Michelle Muscat. Ir-rapport ikkonkluda li ma nġabux provi biex setgħet twassal għall-konklużjoni li l-koppja Muscat huma s-sidien. Diġà tkellmina ħafna dwar ir-raġuni l-għala l-maġistrat tal-inkjesta ma fittixx fejn kellu jfittex, iżda dan m’huwiex is-suġġett tal-kwistjoni li għandna quddiemna.

Ir-rapport tal-inkjesta jgħid “iswed fuq l-abjad” li sid l-Egrant huwa Brian Tonna? Sa ċertu punt, iva. Iżda dan jingħad (f’paġna 325) fl-istess kuntest tal-fatt li għal ċertu perijodu Brian Tonna kien reġistrat bħala s-sid tal-Egrant, tal-Hearnville u tat-Tillgate.

“Il-provi li nġabru minn din l-inkjesta jikkonfermaw li t-tliet kumpanniji  Tillgate Inc, Hearnville Inc u Egrant Inc kienu ġew reġistrati fil-Panama minn Mossack Fonseca. Mill-provi jirriżulta li t-tliet kumpanniji kienu identiċi. U l-provi jikkonfermaw li t-tliet kumpanniji kienu nxtraw minn Brian Tonna li minn naħa tiegħu uża s-servizzi ta’ Karl Cini u ta’ BTI Management Limited fl-istess ħin. Il-provi jikkonfermaw ukoll li Brian Tonna kien talab is-servizzi ta’ nominee għal azzjoni waħda mingħand  Mossack Fonseca u kellhom ukoll jipprovdu l-ismijiet tad-diretturi. Sa Lulju 2015, it-tliet kumpanniji kellhom storja identika.”

Ir-rapport tal-inkjesta mbagħad ikompli jgħid li jeżistu provi li s-sidien ta’ Tillgate u ta’ Hearnville huma Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament.

Ir-rapport tal-inkjesta għaldaqstant igħid li, f’ċertu żmien, is-sid ta’ Egrant kien Brian Tonna iżda dan ma jfissirx li din il-kumpannija kellha tibqa’ fuq ismu.

Fid-dinja tal-ħasil ta’ flus maħmuġin, tal-korruzzjoni u tat-“tax structuring” u tal-“layering“, issib li bosta affarjiet ikunu “iswed fuq l-abjad”. Is-sidien ta’ Egrant – “kumpannija iswed fl-abjad” – kienu numru ta’ avukati, skrivani u sefturi. Id-diretturi tagħha kienu wkoll diretturi f’mijiet tal-eluf ta’ kumpanniji oħrajn li bosta minnhom kienu jħaddmu l-ġid ta’ barunijiet tad-droga, ta’ prim ministri korrotti, ta’ nies magħrufin fl-ispettaklu, sinjuruni kbar fil-qasam tan-negozju taż-żejt, negozjanti tal-armi, eċċetra.

Kollox “iswed fl-abjad” li ma jfisser xejn.

U darba għal dejjem ejjew naqtgħu d-diskors dwar dak li wieħed għandu “jemmen” jew li għandu ma “jemminx”. F’dan il-filmat, kemm Robert Abela kif ukoll Mark Laurence Zammit tkellmu ħafna dwar dak li “jemmnu”. Dan m’huwiex xi att ta’ fidi. M’huwiex dwar l-anġli, dwar il-ħajja eterna jew xi indulġenza wara li tkun lissint pater-ave-gloria quddiem xi statwa. Dak li tista’ temmen jew li ma temminx m’għandu x’jaqsam xejn.

Quddiemna għandna l-fatti. L-inkjesta ma rriżultalhiex permezz ta’ provi li seta’ jwassal lill-maġistrat biex jikkonkludi li sid l-Egrant huwa Joseph Muscat. Iżda Robert Abela għandu kull interess li jgħid li dak li stqarr Brian Tonna dwar x’kien għamel bl-Egrant huwa prova ta’ dak li fil-fatt seħħ.

Hemm ukoll fatt ieħor.

Brian Tonna huwa bniedem korrott u giddieb.

Min jasal biex “jemmnu” huwa korrott u giddieb daqsu.