Qed nitħajjar li mmur noqgħod fir-4 distrett. Min igħix f’dak id-distrett żgur li m’huwiex ser ibati l-ġuħ u lanqas m’hu ser imut bil-għatx. Qabel l-aħħar elezzjoni, Konrad Mizzi u Chris Fearne kienu ppikaw bejniethom dwar min minnhom kellu l-akbar ħila li jmarrad lill-konstitwenti biz-zokkor jew bix-xorb.

U issa li Konrad Mizzi x’aktarx li m’huwiex ser ikun kandidat għall-elezzjoni li ġejja, tfaċċa kandidat “prospettiv” li qed jitma’ kemm lill-imġewħin u kif ukoll lil dawk li m’humiex daqshekk imġewħin f’Ħal Tarxien u fl-inħawi ta’ madwar.

Chris Bonett innifsu tella’ dan il-filmat li fih jidher iqassam bukkuni tal-ikel u fliexken tal-ilma tad-ditta Kristal lil dawk il-Laburisti li qed jittama li, tant ser jieħdu grazzja miegħu hu u jqassam iċ-ċejċa u li għad ikollhom f’idejhom ċ-ċwievet tal-uffiċċju tiegħu biex b’hekk aktar tard ikunu jistgħu jgawdu ħafna aktar minn bukkun b’xejn.

Tidħkux b’Chris Bonett.

Lanqas m’għandkom titkażaw b’dawk li lil Chris Bonett ma jgħidulux fejn għandu jdaħħal il-bukkuni tiegħu.

Idħku – jew  inkella ibku – bl-istat miskin li twasslet fih id-demokrazija tagħna.