Issib lil min inġustament imaqdar it-tielet film mis-sensiela The Godfather. Hi x’inhi il-fehma tiegħek dwar il-maħfra li talab Michael Corleone, hemm xena li fiha Michael jipprova jipperswadi lill-eks mara tiegħu biex taħfirlu qabel teqirdu l-marda li kellu f’qalbu. It-talba ottimista u Kattolika tiegħu li jinħafrulu dnubietu u li jinfeda’, l-eks mara laqgħethom b’ċertu disprezz għaliex dehrilha li ħadd u xejn ma jista’ jħassar l-imġieba kriminali tiegħu.
Uħud minn dawk li għadhom sal-lum ifittxu r-raġunijiet loġiċi biex ikomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit Laburista ħadu r-ruħ u ttamaw fil-maħfra meta semgħu lil Marie Louise Coleiro Preca tesprimi l-indiema tagħha hi u twieġeb għall-mistoqsijiet tal-Malta Today tal-ħarġa tal-Għid.
Il-Partit Laburista jeħtieġ li jidħol daħla fih innifsu, hi qalet lill-ġurnalist li intervistaha. U jeħtieġ li jiskuża ruħu ma’ dawk li emmnu li huwa partit li jgħożż il-moralità.
Issa jien mhux bi ħsiebni li noqgħod inwieġeb lil Marie Louise Coleiro Preca u fl-istess waqt infakkarha dwar l-imġieba personali tagħha fiż-żmien li matulu hi tgħid li l-Partit Laburista għandu jitlob skuża.
Mhux bi ħsiebni noqgħod infakkar dwar l-imġieba tal-ministeru tagħha taħt Joseph Muscat u dwar il-mod kif, għall-bidu, kienet irreżistiet l-attentati tiegħu biex jeħles minnha billi jaħtarha President. Mhux bi ħsiebni noqgħod nikkritikaha talli naqset li tiftaħ ħalqha meta feġġew l-istejjer dwar korruzzjoni. U lanqas m’jien bi ħsiebni nsemmi l-fatt li f’Jannar 2018 kienet ilmentat ma’ ambaxxaturi akkreditati lejn Malta li Daphne Caruana Galizia kienet tappnet is-suċċess tal-gvern ta’ Joseph Muscat meta splodewha permezz ta’ korrozza-bomba.
Iżda bi ħsibni nagħmel analiżi aktar wiesgħa tal-kummenti tagħha. Madankollu dan ma jfissirx li ser inkun anqas kritiku fil-konfront tagħha.
Lil tal-Partit Laburista l-ewwel ħaġa li tinteressahom hi li jibqgħu jimirħu fil-wiċċ politiku. Din, wara kollox, hi l-ewwel għan tal-partiti politiċi. It-tieni għan hu li jirbħu s-setgħa. Gruppi politiċi li ma jaspirawx li xi darba jiggvernaw, ma jistgħux jissejjħu partiti politiċi. U l-Partit Laburista dejjem aspira li jirbaħ il-gvern sabiex jiggverna kif jixtieq hu.
Inkun qed ngħaddikom biż-żmien jekk ngħid li l-eżistenza tal-Partit Laburista tinsab mhedda. U nkun qed noħlom jekk nikteb li jista’ jitlef l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Iżda tal-Partit Laburista qed jifhmu li l-elettorat tilef il-fiduċja. Din mhix kwistjoni ta’ sempliċi “żball” jew ta’ “gidba” li għal ċerti politiċi tgħaddi mal-oħrajn.
Għalkemm Marie Louise Coleiro Preca ma lissnitx kliem f’dan is-sens, m’hemmx dubju li l-pajjiż inħakem minn konġura ta’ lpup kriminali liebsin il-libsa ta’ ħrief politiċi Laburisti. U dawn ingħataw l-arja u ngħataw il-kenn mill-Partit Laburista stess.
Dawk fil-Partit Laburista li għandhom vista aktar wiesgħa qed jinsistu li l-partit m’għandux jibqa’ jagħti l-kenn lil din il-ġgajta ta’ kriminali. Ta’ min isemmi li bosta huma dawk li qed isibuha diffiċli li jwarrbu lil Keith Schembri. Kważi jqabbdek id-daħk dak li għoġbu jikteb Alfred Grixti ftit wara li Keith Schembri ġie arrestat u ttella’ l-qorti. Lil dak li kien iċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat, Grixti pinġieh bħallikieku kien xi Antonio Gramsci u priġunier politiku tan-Nazzjonalisti. Alfred Grixti issa ser ikollu l-ħtieġa li jixgħel ix-xemgħat tiegħu quddiem allat ġodda u Marie Louise Coleiro Preca trid li jintrama’ pantheon ġdid. Skont hi, b’dan il-mod il-Partit ikun jista’ “jidħol daħla fih innifsu”.
M’għandniex xi ngħidu, fil-każ ta’ Joseph Muscat, it-triq li twassal biex dan jitneħħa mill-memorja ser tkun ħafna aktar iebsa. Ma nafx kemm dan li ser nikteb huwa minnu iżda fl-2003 niftakar lil xi ħadd igħidli li x’sema li kien stqarr Alfred Grixti dakinhar li l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni. Waqt konversazzjoni privata, jingħad li Alfred Grixti kien qal li persuni fil-Partit Laburista kienu ġenwinament emmnu fil-konklużjoni li kien ġibed Alfred Sant fis-sens li r-riżultat tar-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kien ser ikun segwit sitt ġimgħat wara minn rebħa għall-Partit Laburista.
Fehmuni ftit x’jeħtieġ li jiġri biex wieħed jevita li jsegwi l-mexxejja politiċi fil-għama mingħajr ma jispiċċa jaqa’ mill-preċipizzju għal isfel? Madankollu wieħed ċertament ma jistax jipparaguna lil min segwa lil Alfred Sant fit-telfiet elettorali diżastrużi tiegħu ma’ min qed jibqa’ jsegwi lil Keith Schembri minkejja l-fatt li dan issa jinsab il-ħabs u għaddej proċess fil-qorti mixli b’ħasil ta’ flus maħmuġin.
Kull min isegwi l-partiti politiċi jkollu bżonn lil min imexxieh u lil min jispirah u dan minkejja l-kontradizzjonijiet ċari li jista’ jkun hemm.
Għaldaqstant tista’ tiġġieled fit-toroq b’riżq l-integration mar-Renju Unit u fl-istess nifs tista’ tiftaħar li kont int li ġibt l-indipendenza għal Malta. Tista’ tipprova ġġedded, mingħajr ma jirnexxilek, il-preżenza militari Britannika f’Malta u mbagħad tista’ tiċċelebra t-tluq tagħhom u tiftaħar li kont int li tellaqthom ‘il barra. Tista’ ġġiegħel lill-ekonomija tistaġna, tippermetti l-vjolenza kontra niesek u mbagħad tagħmel kampanja b’riżq “il-paċi u l-progress”. Tista’ tagħmel kampanja sħiħa kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u mbagħad tonfoq flejjes ġejjin mill-Ewropa bħallikieku dawn ġew bis-saħħa tiegħek.
U issa li nqabad Keith Schembri – u mid-dehra l-mexxejja tal-Partit Laburista qed jistennew li dalwaqt ser ikun imiss lil Konrad Mizzi u forsi anki Joseph Muscat – tal-Partit Laburista jridu lill-partitarji tagħhom jirrepetu l-gidba li kienu huma li għelbu lill-kriminalità organizzata u salvaw lil Malta. Jiġifieri li salvaw lil Malta mill-Partit Laburista. U l-Partit Laburista salva lil Malta mill-Partit Laburista stess.
Għaliex taħsbu li hi daqshekk ‘negattiva’ r-reazzjoni tiegħi għat-talba ta’ waħda mill-mexxejja storiċi tal-Labour biex issir apoloġija? Għaliex apoloġija, wara li tkun inqbadt, ma tiswiex. Lanqas riżenja ma tiswa’ daqshekk. Mhux biżżejjed li l-kriminali jwarrbu.
Fil-laqgħa li saret mal-President xi ftit ġimgħat ilu, l-partitarju akkanit Laburista Anthony Degiovanni – dak li abbuża mill-kompjuter tal-uffiċċju fejn kien jaħdem biex jimmalafama lil Pieter Omtzigt – stqarr li m’għandniex neżaġeraw dwar dak li qed iseħħ f’Malta. Lanqas li f’Malta għandna xi ħtieġa ta’ xi kummissjoni dwar il-verità u r-rikonċiljazzjoni bħal dik tal-Afrika t’Isfel, qalilna.
M’jinix daqshekk ċert għandniex bżonn kummissjoni. Li ċertament għandna bżonn hi l-verità. U l-verità hi li partit politiku li ta l-kenn lill-kriminali u għenhom jisirqu lil pajjiżna, m’għandu qatt jissejjaħ “partit politiku”. M’hux biżżejjed li wieħed jiskuża ruħu.
Ma naħsibx li Marie Louise Coleiro Preca lesta li timmaġina xenarju li minnu jkun nieqes il-Partit Laburista.