Segwu dan il-filmat tal-2016 fejn jidher Mario Frendo – dak iż-żmien ġurnalist man-Net TV – jagħmel il-mistoqsijiet lil politiċi tal-Labour dwar il-kumpanniji sigrieti tal-Panama ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi.

Mill-ħarsa ta’ għajnejhom tista’ tintebaħ li lkoll kemm huma jifhmu sewwa li dawn il-kumpanniji kienu nħolqu bħala parti minn skema ta’ tixħim u ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin. Tista’ tinduna li lkoll xejn ma jaqblu ma’ dak li għamlu dawn it-tnejn. U li huma qatt ma kienu jaslu biex jagħmlu affarijiet bħal dawn.

Iżda wieħed jista’ jintebaħ ukoll li dawn huma lkoll ġwejjef. Li kieku ried, xi wieħed minnhom seta’ stqarr dakinhar li ma kienx sewwa dak li kienu għamlu Schembri u Mizzi u li dawn għandhom jitkeċċew u l-iskema li ħolqu għandha tiġi investigata.

Il-bieraħ Marie Louise Coleiro Preca stqarret li “l-Partit Laburista għandu jiskuża ruħu”. Jaqaw dawn bi ħsiebhom joħorġu xi apoloġija baxx baxx iffirmata minn xi mpjegat tal-partit?

U xi ngħidu għal Zammit Lewis, Parnis, Debattista, Bonnici, Vella u l-bqija? Ma jmisshomx dawn jammettu li għaddew lin-nies biż-żmien meta dak iż-żmien kienu naqsu li jgħidu l-verità? Ma jmisshomx dawn jiskużaw ruħħom u jammettu li s-servizz pubbliku ma jgħoddx għalihom? Għalihom. U mhux Keith Schembri u Konrad Mizzi. Fl-2016 konna diġà nafu li s-servizz pubbliku ma jgħoddx għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi. Li jgħodd issa hu li naraw min kien qabeż għalihom dak iż-żmien.

Fil-frattemp, Konrad Mizzi awguralna l-Għid it-tajjeb. Xi ħlew!