Philip Sciberras, eks Imħallef, eks deputat parlamentari Laburista, eks medjatur fil-gwerra li kienet skattat bejn Alfred Sant u Dom Mintoff, eks bażużlu ta’ Alfred Sant, bniedem li jgawdi sensiela ta’ pensjonijiet, bniedem li f’idejh kellu monopolju ta’ informazzjoni sensittiva f’inkjesti kummissjonati mill-gvern u bniedem li ma xebgħax jirrimetti l-ħdura li għandu għal dak kollu li ma jikkonformax ma’ dak li jiddeċiedi l-Partit Laburista, llum sab ruħu fil-faċċata ta’ quddiem tal-orizzont.
Huwa ġie kwotat bi kritika għal David Casa u għal Roberta Metsola li vvutaw flimkien ma’ 635 ewroparlamentari oħrajn favur mozzjoni li tesprimi tħassib dwar l-involviment tal-Istat Malti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huwa ġie kwotat li stqarr li “min jiċħad lil art twelidu, hu miżbla żibel lanqas tridu”. Fil-lingwa Maltija, min jitgħajjar bil-kelma “żibel” ikun irid li jinsulta. U għall-qarrejja tal-orizzont u għal dawk li jiftakru l-kontroversja politiko-reliġjuża tas-snin 60, il-kelma “miżbla” tqanqal ċerti emozzjonijiet.
L-ewroparlamentari Laburisti Maltin ivvutaw kontra l-mozzjoni tal-Parlament Ewropew flimkien ma’ 42 ewroparlamentari ieħor. L-ebda wieħed minn dawn l-42 huma mseħbin mal-partit soċjalista Ewropew li miegħu huwa msieħeb il-Partit Laburista. Dawn l-42 huma mseħbin ma’ diversi partiti faxxisti tal-lemin li dejjem huma lesti biex ifittxu kull opportunità biex jippruvaw jimminaw lid-demokrazija.
Philip Sciberras għandu jkun komdu fil-kumpannija tal-faxxisti. Diskors dwar “pajjiżi, tajjeb jew ħażin” u patrijottiżmu falz li ma jippermettix kritika lir-reġim li jkun fit-tmun jaqbel perfettament ma’ din in-narrativa.
L-ewroparlamentari Laburisti lmentaw li r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew “m’hix ġusta għax ma ssemmix ir-riformi li saru f’dawn l-aħħar snin”. Ma sarux xi riformi ta’ barra minn hawn. Madankollu rnexxielna nġiegħlu lill-gvern ibiddel is-sistema ta’ kif jinħatru l-imħallfin u dan sabiex jiġu eliminati l-preferenzi u l-partiġġjaniżmu. Li kieku kien irnexxielna nagħmlu dan snin qabel, Philip Sciberras ma kienx isir imħallef u ma kienx jissemma’ fl-orizzont bħala “eks imħallef”.
Fil-frattemp għadna ‘l bogħod milli ssir ġustizzja ma’ Daphne u sakemm din iseħħ, se nibqgħu ntambru u ser inkomplu ndejjqu lil Philip Sciberras.
Għax lil pajjiżna inħobbuh tassew.