Dan li ġej huwa estratt minn diskors li kien għamel fil-Parlament Alfred Sant fl-aħħar jiem tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista. Dan id-diskors kien għamlu fit-12 ta’ Mejju 2008. Alfred Sant kien għadu kemm tilef it-tielet elezzjoni ġenerali in fila wara dawk tal-1998 u tal-2003 u fi ftit ġimgħat kien ser jieħodlu postu ħaddieħor. Fis-6 ta’ Ġunju 2008, ir-raġel tas-segretarja tiegħu ħadlu postu u bdiet l-era ta’ Joseph Muscat.
Permezz ta’ diskors b’ton apoloġetiku li bih immaskra l-biżgħat u t-tamiet foloz li kellu għall-partit tiegħu bis-saħħa ta’ kritika għall-avversarji politiċi, Alfred Sant hawn jirreferi għall-mostru li huwa lemaħ, u li bil-kemm jidher, li huwa lest biex jikkorrompi u jaħtaf ir-ruħ tal-Partit Laburista.
Fi tmiem il-karriera politika ta’ Joseph Muscat u b’Partit Laburista li għadu sal-lum mgħobbi b’agnostiċiżmu ideoloġiku u b’ċiniżmu amorali, kliem Alfred Sant tal-2008 ma jinftiehmux bħallikieku huma xi profezija brillanti jew xi intervall qasir ta’ onestà f’nofs karriera sħiħa ta’ ipokresija grassa.
Kliem Alfred Sant tal-2008 qishom tbassira kerha ta’ narratur fl-introduzzjoni ta’ traġedja li jwiegħed li għall-ġusti m’hux ser ikun hemm min jagħtihom xi ftit tan-nifs. Għall-ġusti mhux ser ikun hemm rebħa aħħarija.
Iżda ser ikun hemm biss it-terrur tal-ħakma ta’ mostru li tela’ fuq il-palk u li bela’ lil dawk kollha li jfittxu s-sewwa.
Id-demokrazija f’pajjiżna qiegħda tiffaċċja theddida ġdida. Infirxet fostna xibka ta’ poter magħmula minn nies, li ħafna minnhom, għallinqas fid-deher, m’humiex fuq quddiem tax-xena politika imma għandhom kontroll fuq mezzi kbar pubbliċi u privati. Dawn huma ffokati sabiex id-deċiżjonijiet il-kbar fil-pajjiż jittieħdu skond l-għanijiet u l-interessi tagħhom. Ix-xibka ta’ poter hija minsuġa minn nies influwenti ħafna fin-negozju, fl-organizzazzjoni politika, fil-medja u fil-professjonijiet. Dawn huma nies li jgħixu tajjeb u jgħixu aħjar mill-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini l-oħra. Din hija xibka ta’ poter li terda mill-istrutturi ta’ l-istat fejn l-abbuż tal-poter u l-korruzzjoni jiġu sekondarji għall-ħtieġa li l-poter li tgawdi x-xibka jibqa’ jiġi salvagwardjat.
Sur President, m’hemmx għalfejn ngħidu li issa se jqumu l-korijiet tas-soltu li jgħidu li jien qiegħed nitfa’ t-tajn u li qed noħloq xenarji fittizji, korijiet li mdorrija jaħdmu l-interessi u l-aġenti tagħhom, korijiet iggwidati mix-xibka ta’ poter. Imma l-verita’ tibqa’ dik li hi, anke jekk tifgaha jew ma tħallihiex tinstema’ jew tinftiehem. U jgħidu x’jgħidu wieħed mill-aqwa għanijiet tal-politika tagħna llum hija dik li tinħoloq tmexxija serja u trasparenti, tmexxija li turi tolleranza żero lejn il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, b’impenn mija fil-mija favur il-good governance, tmexxija serja, retta u effiċjenti, ibbażata fuq il-mertu, tmexxija li tkun ġusta maċ-ċittadini kollha u li tirrispondi għal dak li jixtiequ ċ-ċittadini fil-maġġoranza tagħhom u mhux għal dak li jaqbel lill-membri tax-xibka tal-poter. Jiena mmur aktar ‘il bogħod minn hekk. Fost dawk li ġew mminati mix-xibka tal-poter huwa l-Partit Nazzjonalista nnifsu.
Il-Partit Nazzjonalista tant inħakem mix-xibka tal-poter li f’daqqa t’għajn seta’ jibdlu fi brand. Qed jispiċċa jirrappreżenta l-valur ta’ klikka nies u mhux ta’ firxa wiesgħa ta’ ċittadini magħquda ma’ dawn il-prinċipji. Se jkun hemm min jgħid li l-aqwa tirbaħ u li l-branding għandek bżonnu sabiex tirbaħ fil-politika. Imma li rajna mhux il-branding ta’ partit imma li l-brand jieħu post ta’ partit fil-ħajja demokratika tal-pajjiż. Ma neskludix li għal li ġej ix-xibka tal-poter tipprova tara tistax tikkolonizza wkoll bl-istess mod lill-Partit Laburista u timmanipulah, kif ikkolonizzat u mmanipulat lill-Partit Nazzjonalista. F’dak il-każ l-għażla li jingħata l-pajjiż tkun bejn dak li x-xirka tal-poter tkun tridu jemmen dwar partit jew ieħor skond kif jaqbel lilha.
Madanakollu jiena nemmen fis-saħħa interna tal-Partit Laburista biex ma jaqax għat-tentazzjoni li hu wkoll isir l-għodda tax-xibka tal-poter sabiex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali. Anzi nemmen li fil-futur il-Partit Laburista se jibqa’ jagħti xhieda sħiħa tat-twemmin tiegħu u ta’ l-impenn tiegħu favur demokrazija vera, favur tmexxija tal-pajjiż li tirrifletti tassaw l-aqwa aspirazzjonijiet demokratiċi taċ-ċittadini kollha u mhux tkun is-seftur ta’ ftit interessi akuti, qawwija u organizzati ponn. Aktar u aktar huwa meħtieġ li jsir dan għax fl-aħħar snin kompliet tikkarga qasma kerha fil-pajjiż. Meta 16-il sena ilu ħadt l-ewwel ġurament tiegħi bħala kap ta’ l-oppożizzjoni quddiem il-President ta’ dak iż-żmien, Dr. Ċensu Tabone, kont stqarrejt li kien ħażin li f’pajjiżna, taħt gvern ta’ naħa waħda, nofs il-poplu tan-naħa l-oħra dejjem iħossu eskluż mill-ħajja pubbliku.
Kont għedt ukoll li huwa importanti li pajjiżna jagħti lil kulħadd is-sentiment li dan hu tassew pajjiżu. Bejn l-1996 u l-1998 għamilna sforzi bħala gvern Laburista sabiex din il-ħaġa tibda sseħħ f’pajjiżna. Madankollu dawn l-isforzi sabu skjerati kontra tagħhom interessi vestiti li akkost ta’ kollox ma riedu xejn jinbidel. Dawn irnexxielhom fis-sabotaġġi tagħhom, tant li b’xorti ħażina, l-isforzi li wettaqna ħallew riżultati kontro-produċenti. Għalkemm wieħed ma jridx jaqta’ qalbu, ikolli ngħid li llum mhux biss il-qasma fostna bħala poplu baqgħet hemm jew issaħħet, imma l-qasma saret tifred ukoll lil dawk ta’ twemmin Nazzjonalista. Fost dawn in-nies hemm ħafna li qed iħossuhom esklużi sakemm ma tasalx elezzjoni u allura jaraw kif se jagħmlu biex jagħlqulhom ħalqhom.