Bosta huma dawk li jiftakru li fl-2010, jiġifieri 11 il-sena ilu, ġgajta ta’ ħallelin kienet għamlet attentat biex tisraq mill-kwartier tal-HSBC f’Ħal Qormi. Dakinhar kienu ġew sparati 60 tir. Ma kienitx ġrajja li wieħed jinsieha kif ġieb u leħaq.

Matul dik is-sena stess, Ċensu Muscat il-Koħħu u Darren Debono it-Tôpo (mhux Darren Debono l-coach tal-futbol, sid ta’ ristoranti, kuntrabandist u ħassiel tal-flus – galantom ieħor li għandu l-istess isem) kienu ġew arrestati, kienu ġew imħarrka u mbagħad kienu ngħataw il-libertà proviżorja sakemm igħaddu ġuri mixlijin bis-sehem tagħhom fl-attentat. Ftit huma dawk li huma tal-fehma li dawn aġixxew waħidhom.

Sentejn wara, fl-2013, l-Avukat Ġenerali ppreżenta att ta’ akkuża kontra dawn it-tnejn. U wara li għaddew 9 snin, il-ġuri kien għadu ma bediex. Kienu disa’ snin li matulhom tressqu biżibilju ta’ argumenti legali, saru patafjuni ta’ appelli u l-bieraħ kien mistenni li tingħata deċiżjoni aħħarija.

Xi ġimgħat ilu, l-Imħallef Giovanni Grixti kien appunta s-smiegħ ta’ qabel il-ġuri għall-bieraħ u kien mistenni li tintgħażel data biex jingħata bidu għall-ġuri. Is-seduta saret il-bieraħ iżda dak li ħareġ minnha xejn ma kien mistenni.

Ejjew nagħmlu ftit ta’ parentesi.

F’Novembru tal-2019 Melvyn Theuma kien ġie arrestat fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus. Waqt li kien arrestat, ammetta li kien is-sensar fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa nnegozja u akkwista proklama ta’ immunità mill-prosekuzzjoni u maħfra bi tpartit ma’ obbligu li jagħti x-xhieda tiegħu fil-każ.

Dak iż-żmien – jiġifieri f’Novembru tal-2019 – kien ukoll stqarr li kellu informazzjoni dwar l-attentat tas-serqa fl-HSBC u ammetta li wieħed mill-perċimes tar-reat kien talbu biex jaħbilu xi ħaġa li aktar tard Melvyn Theuma sar jaf li kellha xi rabta tal-attentat tas-serq. U sabiex ikopri lilu nnifsu minn kull rokna, Melvyn Theuma akkwista maħfra għalih innifsu dwar kull illegalità li seta’ wettaq b’rabta mal-attentat tas-serqa tal-HSBC bi tpartit ma’ obbligu li jixhed f’dan il-każ ukoll.

Dan kollu seħħ f’Novembru tal-2019.

Nerġgħu naqilbu għal dak li seħħ il-bieraħ 27 ta’ Mejju 2021.

Il-bieraħ l-Imħallef Giovanni Grixti lill-avukati tal-Koħħu u tat-Topo qalilhom li ma kienx f’pożizzjoni li jappunta data biex jinbeda’ l-ġuri għaliex il-proċess tal-każ tal-HSBC m’għadux għad-dispożizzjoni tiegħu. Il-ġurnata ta’ qabel, jiġifieri jumejn ilu – is-26 ta’ dan ix-xahar – l-Avukat Ġenerali kiteb lill-Imħallef u talbu jibgħat il-proċess tal-każ tal-HSBC lill-Maġistrat Inkwirenti u dan bl-iskop li l-istess Maġistrat ikun jista’ jisma’ x-xhieda ta’ Melvyn Theuma. Kull darba li l-Avukat Ġenerali jitlob li jiċċaqlaq proċess tal-qorti minn post għal ieħor, dak huwa appuntu li jseħħ.

Ifhmu ftit dan li ġej.

Fl-2011, l-Avukat Ġenerali kien iddeċieda li kellhom jiġu mħarrkin kemm Ċensu Muscat kif ukoll Darren Debono u l-Pulizija kienet xliethom bl-attentat tas-serq fl-HSBC. Fl-2013, l-Avukat Ġenerali kien ippreżenta Att tal-Akkuża kontrihom. Fl-2021, l-Istat kien lest biex, lil dawn it-tnejn, igħaddihom ġuri. Malajr wieħed jifhem li, matul dan iż-żmien kollu, l-Avukat Ġenerali kien konvint li seta’ jwassal biex it-tnejn li huma jiġu kundannati mill-qorti u dan mingħajr l-intervent tax-xhieda ta’ Melvyn Theuma.

Jeħtieġ li wieħed jifhem ukoll li meta fl-2011 il-qorti kienet iddeċidiet – għal darba darbtejn – li tagħti l-libertà proviżorja lil Ċensu Muscat (u lil Darren Debono) sakemm dawn igħaddu ġuri, l-Pulizija taha tal-qamar u l-Avukat Ġenerali spiċċa biex appella. Dan iddikjara li l-Koħħu kien ta’ periklu għas-soċjetà u kien jeħtieġ li jinżamm ‘il bogħod minnha. L-Avukat Ġenerali kellu raġun biex ibiegħ.

U minkejja dan, il-każ baqa’ mdendel u l-Koħħu (u t-Topo) komplew ikunu ta’ periklu għas-soċjetà. Wieħed minnhom spiċċa biex qatel lil  Daphne Caruana Galizia.

Il-bieraħ ittamajna li nilmħu xi ftit tad-dawl f’tarf mina mudlama. Ma kellux ikun. Fl-aħħar ħin, l-Avukat Ġenerali ftakar li għal dawn l-aħħar tmintax il-xahar kellu xhud għad-dispożizzjoni tiegħu. Melvyn Teuma kien għad-dispożizzjoni tal-Avukat Ġenerali għaliex dan kien tah maħfra u immunità ma jmissu ma’ xejn bi tpartit mal-koperazzjoni tiegħu anki fil-każ tal-HSBC.

Issa anke jekk il-proċess tal-kawża jerġa’ lura għand l-Imħallef fi żmien, ngħidu aħna, 3 jew 5 ġimgħat, il-każ ser ikompli jitwal u ser ikun hemm aktar dewmien u tlajjar.

U meta jseħħ dan kollu, ma tridx wisq għerf biex tintebaħ min ikun qed igawdi.

Ċensu Muscat inċaħditlu maħfra dwar il-każ tal-HSBC u dan minkejja l-fatt li wiegħed li jixhed kontra dawk li kienu l-perċimes. Il-koperazzjoni tal-Koħħu hi wkoll meħtieġa fil-każ kontra l-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia, każ li dwaru diġà weħel il-ħabs. Id-dewmien li qed iseħħ f’waħda mill-kawżi x’aktarx ser jeffettwa l-kawża l-oħra.

Sadattant il-każ tal-HSBC huwa ta’ interess għaliex minn dan il-proċess jista’ jinkixef l-għawwar ta’ eks politiċi u politiċi preżenti tal-Partit Laburista. Ċertament qed jittamaw li l-każ jibqa’ jiġi differit għal wara Ottubru, jiġifieri għal wara l-elezzjoni ġenerali, għax dan jista’ jkun jaqbel għall-Partit.

Għalkemm tal-Labour jinsabu ottimisti li jerġgħu jirbħu, dawn jafu u li n-nies xejn m’huma ser jieħdu pjaċir meta jintebħu li fost il-ministri hemm min kellu sehem f’attentat ta’ serqa minn bank.

M’għandniex xi ngħidu, jista’ jagħti l-każ li minn dan kollu m’hemm xejn, li m’hu qed isir ebda manuvrar politiku u li dan huwa biss frott tal-imaġinazzjoni tiegħi. U f’dan il-każ ma jkun ifisser xejn ħlief li s-sistema ġudizzjarja tagħna hi waħda tan-nejk. Sistema li fiha l-prosekuturi tagħna jitfixklu f’saqajhom u, 11 il-sena wara li nqabdu żewġ persuni f’attentat ta’ serq fuq bank, għanda ma nafux meta ser igħaddu ġuri biex iħallsu ta’ għemilhom.