Bil-wiċċ tost kollu, l-bieraħ Carmelo Abela sejjaħ għar-riżenja ta’ Jason Azzopardi.
Fl-2010 meta kien seħħ l-attentat tas-serqa mill-HSBC, Jason Azzopardi ma kienx impjegat tal-bank. Ma kellux aċċess għat-tagħmir li jistampa l-access cards li ntużaw fis-serqa. Ma kienx intalab jixhed fl-investigazzjoni u mbagħad lill-istampa qalilha li ma jiftakarx li kien xehed. Ma kienx Jason Azzopardi li ssemma’ minn żewġ kompliċi fid-delitt bħala dak li għenhom iwettqu r-reat.
Kien Carmelo Abela li ssemma’. Iżda Carmelo Abela qal li jippretendi li għandu jkun Jason Azzopardi li jwarrab għaliex kien Jason Azzopardi li kixef dak li huwa kien sar jaf dwar dak li jingħad li għamel Carmelo Abela.
Jidher li għad fadal x’jinkixef. Fl-2010 kien hemm attentati ta’ serq oħrajn li seħħew u li jixbħu lill-attentat tas-serq mill-HSBC ta’ Ħal Qormi. F’dik is-sena wkoll kien hemm ukoll is-serqiet li kienu seħħew f’Ħal Balzan u f’Santa Venera. Issa jidher li l-istejjer ser jibdew jaraw id-dawl tax-xemx, waħda waħda.
Il-fatt li l-Pulizija qed tinvestiga l-possibilità li Carmelo Abela kien imdaħħal fl-attentat tas-serq mill-bank f’Ħal Qormi minnu nnifsu ma jfissirx li kien imdaħħal. Xejn minn dan. Kienet saret investigazzjoni kriminali mill-Pulizija dwar l-inizjattiva li kien ħa Toni Bezzina biex ibajjad xi ħitan li jkejjlu mad-9 metri kwadri ġewwa każin f’raħal. Is-Sibt li għadda, b’xorti tajba, lil Toni Bezzina l-Pulizija qalulu li ma kellu xejn għalxiex iwieġeb. Prosit lil Toni.
L-istess ħaġa tista’ seħħ ukoll fil-konfront ta’ Carmelo Abela u fejn għandu x’jaqsam l-attentat tas-serq mill-bank ta’ Ħal Qormi għandu jitqies bħala innoċenti sakemm ma jiġix pruvat bil-maqlub.
Jibqa’ l-fatt li l-gvern fostu ma jistax ikollu lil xi ħadd li jkun qed jiġi investigat bis-saħħa tal-fatt li jeżistu biżżejjed truf biex il-Pulizija titkixxef dwar jekk kienx għen lill-ħallelin armati biex jisirqu mill-bank. Tifhmunix ħażin. Iżda tibjida f’kamra li tingħata minn persuni li huma mpjegati mal-gvern ma tista’ qatt tipparagunaha ma’ attentat ta’ serqa armata minn bank.
Il-gvern lanqas jista’ jkollu fostu bniedem bħal Carmelo Abela li gideb u pprova jiżloq meta ġie mistoqsi jikkonferma li l-Pulizija kienu nterrogawh dwar il-każ.
Jeħtieġ niftakru li Carmelo Abela huwa kollega ta’ dawk il-grupp ta’ ministri li ċaħdu t-talba tal-allegati kompliċi biex jingħataw l-immunità mill-prosekuzzjoni biex ikunu jistgħu jixhdu kontrih. Mhux ser nidħol fil-mertu dwar jekk din it-talba għall-għoti tal-immunità kellhiex tintlaqa’ jew le. Iżda jidher li deċiżjoni bħal din ċertament ma setgħetx ittieħdet b’ċerta serenità minkejja l-fatt li qalulna Carmelo Abela kien warrab minn madwar il-mejda tad-diskussjoni.
Meta wieħed jikkunsidra s-serjetà kbira tal-każ, dan ċertament ma kienx biżżejjed.
Dan huwa każ li tant huwa serju li mhux biżżejjed biex, fis-sitwazzjoni li Carmelo Abela sab ruħu fiha, jipprova jiskredita lil Jason Azzopardi. Meta Jason Azzopardi jsir jaf b’xi ħaġa ma jdumx daqs kemm idumu l-istituzzjonijiet – bħal, per eżempju, l-Pulizija – biex jikxef dak li jkun sar jaf.
Huwa appuntu b’dan il-mod li qed insiru nafu aktar dettalji. Li kieku kellna noqgħodu nistennew lil Carmelo Abela biex igħidilna li l-Pulizija kienu bgħatu għalih dwar il-każ, ibqgħu ċerti li konna nibqgħu nistennew mingħajr ma nsiru nafu xejn.
Carmelo Abela m’huwiex ser iwaqqaf investigazzjoni mill-Pulizija bis-saħħa ta’ attakk fuq Jason Azzopardi. Iżda Carmelo Abela jidher li bi ħsiebu jagħmel ħiltu biex jipprova jfixkel.
Il-poplu Malti jaħti wkoll għat-taħwid li jinsab fih il-pajjiz. Tal-Partit Laburista jafu li għandhom il-ħila jnaqqsu l-gravità tal-investigazzjoni tal-Pulizija fuq ministru minn tagħhom dwar attentat ta’ serqa bl-armi. Jafu li jistgħu jibqgħu għeddejjin qiesu ma ġara’ xejn meta l-Awditur jikxef l-illegalità ta’ kuntratt li jiswa’ mal-kwart ta’ biljun biex tinbena’ estensjoni ta’ dar tal-anzjani. Jafu li n-nies, qiesha mhix hi, ser tibqa’ tħallas il-kontijiet tad-dawl bil-għoli biex tagħmel tajjeb għall-qliegħ li jkun jeħtieġ li jagħmlu s-sidien tal-Electrogas li xaħħmu jew wiegħdu li jxaħħmu lill-politiċi.
Tal-Partit Laburista jafu li l-poplu Malti mhux ser jinkedd li l-gvern tiegħu hu mmexxi mill-ħallelin.