Fil-Facebook Christian Grima lmenta li dawk li qed jagħmlu kampanja favur il-Verità u l-Ġustizzja ma wrewx solidarjetà miegħu wara li Joseph Muscat qal li kien ser jiftaħlu libell fil-qorti talli lil Michelle Muscat qalilha li “(Lil Daphne) splodiha żewġek.”

Qrajt ukoll dak li kiteb Chris Peregin ta’ Lovin Malta. Dan wera’ t-tħassib tiegħu dwar x’seta’ fettillu Joseph Muscat li jiftaħ dak il-libell. Lanqas jien ma nista’ nifhem x’seta’ fettillu jagħmel dan.

Chris Grima għandu biżżejjed armi legali biex jiddefendi lilu nnifsu fil-qorti. Mhux għaliex għandu xi ħtieġa li jġib prova forensika li Joseph Muscat kien qiegħed bomba fil-karrozza ta’ Daphne, iżda għaliex ikun jeħtieġ iġib prova li hemm raġunijiet bir-rimi l-għala wieħed għandu jemmen li l-Istat – meta kien immexxi minn Joseph Muscat – kellu jerfa’ biċċa mir-responsabbiltà meta naqas li jevita l-assassinju tagħha.

Hemm ukoll bosta raġunijiet li għalihom wieħed għandu għalxiex jifhem li, fix-xhur u fis-snin wara l-assassinju, Joseph Muscat kien ta palata biex jiġi mfixkel il-kors tal-ġustizzja li m’huwiex ekwivalenti għall-akkuża kriminali li kien ‘splodieha’, iżda li jwassal biex kliem Christian Grima jitqiesu bħala “kumment ġust”.

Dan il-libell lili xejn ma jdoqqli. Għaliex m’huwiex ħaġa tipika li wieħed  jistenna’ li għandu jagħmel bniedem makakk bħalma hu Joseph Muscat. Jidher li l-libell sar frott ta’ mpulsività bil-għan li jipprova jinfluwenza  sitwazzjoni li l-pubbliku għadu ma jafx biha.

Joseph Muscat jidher li ġab ruħu b’dan il-mod biex jipprova jserraħ ir-ras xi ħadd li hu ma kellu x’jaqsam xejn mal-assassinju. U dan ix-xi ħadd m’huwiex Christian Grima, li ċertament m’huwiex ser jiġi ntimidat b’kawża ta’ libell.

Jista’ jagħti l-każ li Joseph Muscat ħaseb li Christian Grima ser jaqta’ qalbu jekk jittella’ l-qorti u jekk il-kawża ddum biex tinqata’. Biex ikun jista’ jiddefendi ruħu sewwa, Christian Grima ser ikun jeħtieġ ċertu għaqal, enerġija u konsistenza – kwalitajiet li, xi drabi, wera’ li m’huwiex mgħoni bihom. F’battalja legali bħal din, ħarstu għandha dejjem tibqa’ fuq is-sentenza aħħarija tal-qorti. U fiċ-ċirkostanzi, diffiċli li wieħed ibassar kif ser tinqata’ mill-qorti.

U meta wieħed jiftakar li biex bniedem jirbaħ libell ikun irid jipprova li saritlu l-ħsara serja, hawn xi ħadd f’sensieħ li jemmen li l-kitba ta’ Christian Grima għamlet ħsara serja lil Muscat? U anki jekk il-qorti ssib li Muscat ġie libellat, taħsbu li l-multa ser tkun akbar minn dik li tingħata s-soltu?

Joseph Muscat din l-inċertezza m’għandux x’iridha bħalissa u wkoll għall-quddiem.

Għad jisgħobbieħ li ħa għamel dan il-pass.