Nixtieq nirringrazzja mill-qalb lil kull min f’dawn l-aħħar ġranet bgħatli messaġġi ta’ appoġġ u ta’ solidarjetà. Kont taħt pressjoni kbira u kont appik wasalt biex inċedi l-armi. L-intimidazzjoni taf tkissrek.

Ma nistax ma nroddx ħajr ukoll lill-ġurnalisti sħabi u lill-mexxejja ta’ diversi mezzi tax-xandir li offrewli l-għajnuna kollha tagħhom u ma qagħdux jistennaw sakemm ikun imiss lilhom li jkunu fil-mira ta’ dawn il-kriminali.

Xi drabi tisma’ lil min igħid li ma tgħallimna xejn mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Diskors bħal dan jista’ igħodd għall-gvern. Iżda ċertament ma jgħoddx għall-biċċa ‘l kbira tal-ġurnalisti Maltin li tgħallmu lezzjoni importanti: li ebda wieħed minnhom m’għandu jitħalla jissielet waħdu.

Bis-saħħa ta’ dan, iħossni ħafna aktar b’kunfidenti. Inħoss aktar enerġija biex inkompli niġġieled. Mhux biex nimponi l-fehmiet tiegħi fuq ħaddieħor iżda biex niddefendi d-dritt ta’ kulħadd li jkunu infurmati biex b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar li, bħala ċittadini, jieħdu deċiżjonijiet li jkunu demokratiċi u nfurmati.

M’għandniex xi ngħidu, kelli ta’ bilfors naħseb għas-sigurtà kemm tiegħi kif ukoll tal-familja tiegħi. Iżda hemm ukoll kunsiderazzjoni oħra li hi aktar importanti: dak li qed iseħħ hu ta’ theddidha għal dak li fadal mid-demokrazija tagħna.

Ma jista’ qatt ikollna elezzjonijiet ġusti u ħielsa kemm il-darba l-elettorat ma jingħatax l-għodda biex jiddistingwi l-qerq minn dak li hu mis-sewwa u dan minħabba s-sabutaġġi, l-gideb jew pressjoni enormi eżerċitata bis-saħħa tar-riżorsi kbar li għandha l-mafja.

Xogħol il-mafja jidher ċar mill-websites u e-mails foloz. U din il-mafja hi l-interess kriminali ta’ bniedem li jinsab mixli li qatel ġurnalista u li lest jagħmel kollox biex jevita ikla ħabs għal għomru.

Iżda kif bħal meta ta’ sikwit ammetta huwa stess, Yorgen Fenech ukoll jista’ jiġi użat. Il-motivazzjonijiet tiegħu u l-ġid kbir u x-xibka ta’ kuntatti li għandu qed jintużaw minn mafja fuq skala akbar li qed tinqeda’ bih biex tkun tista’ tasal fejn trid tasal.

Il-mafja li ħakmet lill-Istat tagħna ma tridx iċċedih. Ma tridx iċċedi l-aċċess li għandha għall-istituzzjonijiet tal-pajjiż li qed jaqduha. Ma tridx iċċedi d-direct orders li qed tgawdi, l- positions of trust influwenti li għandha, l-opportunitajiet li tkompli tħaxxen butha u l-influwenza li għandha maċ-ċentri tas-setgħa.

Għaldaqstant is-sħubija bejn politiċi u kriminali liebsin l-ilbies ta’ negozjanti qed iġġedded lilha nnifisha u l-attakk fuq l-istampa ħielsa, fuq l-Oppożizzjoni Parlamentari u fuq il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia hi biss stadju ieħor tal-gwerra bejn il-mafja u l-forzi tas-sewwa f’pajjiżna.

Waqt li qed iseħħ dan kollu, Robert Abela waqa’ fil-muta appuntu għaliex qed igawdi mis-sitwazzjoni bħalma kien gawda Joseph Muscat qablu. Din il-kampanja hi orkestrata minn Kastilja wkoll.

Nammetti li jiġuni mumenti li fihom inkun wasalt biex inċedi, l-aktar minħabba l-biża’ li jistgħu iweġġgħuli lill-familja. Dawk li jagħżlu li jibqgħu għall-kwiet f’darhom minflok jinżlu fil-pjazez biex jiddefendu d-drittijiet demokratiċi tagħna, la jiskantawni u lanqas jirrabjawni.

Magħqudin flimkien nistgħu nuru s-saħħa tagħna u nkunu nistgħu nesprimu solidarjetà u niġġieldu għal drittijietna billi nattendu għall-protesta li ser issir fil-31 ta’ Awwissu fil-Belt Valletta fis-18:30.

Il-biża’ taf taħkem lil kulħadd. Iżda magħqudin flimkien, din il-biża’ għandna l-ħila li ngħelbuha.