Kien issemma’ fl-iskandlu tal-Panama Papers tal-2016. Inkixef li ħoloq struttura finanzjarja biex ikun jista’ jirċievi flejjes ġejjin mit-tixħim. Inkixef mill-Awditur Ġenerali li kien indaħal direttament fit-tqassim ta’ kuntratti pubbliċi. Inkixef li kellu x’jaqsam mal-bejgħ tal-ishma tal-Enemalta lil Shanghai Electric. Inkixef dwar in-negozju tal-Montenegro. Inkixef dwar in-negozju tal-Vitals. Inkixef li kiser il-kunfidenzjalità dwar il-proġett tal-ITS.

Naqas li jattendi għal laqgħat ma’ delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, mal-Awditur Ġenerali, mal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Għal snin sħaħ ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti u, meta kien iwieġeb, inqabad fil-gideb.

Wieħed minn dawk li nkixef li kien xaħħmu b’rabta mal-iskandlu tal-Electrogas ġie mixli bil-qtil ta’ ġurnalista biex jipprova jgħattilhom xturhom.

Għaddejjin inkjesti maġisterjali dwar il-Panama Papers, dwar 17 Black, dwar l-iskandlu tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro u dwar l-iskandlu tal-isptarijiet tal-Vitals li fihom huwa msemmi bħala wieħed mill-persuni suspettati ewlwnin ta’ twettiq ta’ reati kriminali serji ħafna. Dawn l-inkjesti ilhom għaddejin għal bosta xhur. Uħud minnhom għal snin sħaħ. Li kieku tassew ma kienx hemm provi kontra Konrad Mizzi, dawn l-inkjesti ilhom li ngħalqu.

Sena ilu, huwa nġabar mill-Pulizija u nżamm għall-interrogazzjoni. Imbagħad reġa’ nħeles.

Tul dan iż-żmien kollu, l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għadu ma ġabarx biżżejjed provi biex jixli lil Konrad Mizzi. Dwar xejn. Dan ma jistax ikun.

Fil-Partit Laburista hemm min hu mwerwer li jekk Konrad Mizzi jinġieb dahru mal-ħajt u jibda’ jinkwieta serjament li għad jiekol ikla ħabs, huwa ma jkollux xejn aktar x’jitlef u jibda jikxef l-għawwar dwar il-kompliċi tiegħu – u jibda minn Joseph Muscat.

Għalkemm Joseph Muscat m’għadux imexxi l-partit, tal-Partit Laburista ma jridux jerġgħu jgħaddu mill-umiljazzjonijiet li kienu għaddew minnhom f’Novembru/Diċembru tal-2019.

Il-provi li diġà nkixfu kontra Konrad Mizzi u l-imġiba tiegħu ta’ wieħed li jaf jagħmel l-arja għax għandu lil min jaqilgħu fost dawk li għandhom is-setgħa, tant huma ċari u magħrufin sewwa li huwa tassew diffiċli li wieħed jimmaġina r-raġunijiet l-għala l-Kummissarju tal-Pulizija qed joqgħod lura milli jmexxi kontra tiegħu jekk mhux biex ma jikkompromettix lill-Partit Laburista.

Din mhu xejn ħlief l-imġiba ta’ Lawrence Cutajar.

Iż-żmien tal-paroli u tad-diskorsi ilu li għadda. Jeħtieġ li issa jittieħdu passi. Mhux possibbli għalija li nkun hemm iżda jekk għada (it-Tlieta) fis-6pm tkun qrib il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Repubblika ser  tindirizza l-ġurnalisti u lil dawk preżenti dwar dan is-suġġett.

Min jaf? Forsi din id-darba, Angelo Gafà jibda jara d-dawl.