Ara ma jkunx hemm min jgħaddilu minn moħħu li Konrad Mizzi jinsab beżgħan mill-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Il-biża’ m’għandha x’taqsam xejn. Li kieku kien beżgħan, kien jattendi għas-seduta u kien jimbarazza lilu nnifsu hu u jwieġeb ripetutament li “jagħżel li ma jweġibx” jew kien iqabbad lill-avukat biex iwieġeb f’dan is-sens floku. Konrad Mizzi jaf sewwa li hemm bosta partitarji Laburisti li l-ġjufija tiegħu jħarsu lejha bħala xi forma ta’ eroiżmu u sfida f’wiċċ in-Nazzjonalisti. Dawn lill-PN tant jobogħduh li, jagħmel x’jagħmel, Konrad Mizzi jibqgħu jxommuh ifuħ.

Issa stqarr li jkun lest li jwieġeb fit-3 ta’ Novembru għall-mistoqsijiet tal-PAC dwar kwistjonijiet li ilhom is-snin li xxandru u li, bħala ministru – anki li kieku m’għamel xejn ħażin – kien ilu li jaf bihom.

Din hi r-raġuni l-għala n-nies mingħaliha li jinsab beżgħan. U qed jidher li xi ħadd tarraflu li l-Parlament wasal biex ixolji – u miegħu l-PAC – u mbagħad kollox imut fuq ommu. Qisu Jerry dieħel f’toqba wara ġirja b’ilsienu barra ma jmurx Tom jilħaq jaqbeż fuqu.

L-affarijiet ma jimxux b’dan il-mod. X’aktarx li dak li qed jagħti l-pariri lil Konrad Mizzi qed jgħidlu li wara l-elezzjoni xorta ser ikun hemm Parlament. U x’aktarx li l-PN ser ikun fl-Oppożizzjoni u għaldaqstant xorta ser ikunu huma li jibqgħu jmexxu x-xogħol tal-PAC. Iżda fil-Parlament li jmiss hu mhux ser ikun membru u għaldaqstant tal-PAC ikunu jistgħu jġiegħluh jixhed jew isibuh ħati ta’ disprezz. Dan għalissa ma jistgħux jagħmluh għaliex Kumitat Parlamentari ma jistax  – stramba ferm din! – iġiegħel membru parlamentari li jixhed.

Konrad Mizzi ma jinsabx beżgħan. L-għemil tiegħu huwa msejjes fuq id-disprezz u fuq xi ftit ħsibijiet strateġiċi mnebbħin mill-esperjenza tiegħu tal-2017.

Ix-xewqa ta’ Konrad Mizzi hi mhux biss li tal-Labour jerġgħu jirbħu l-elezzjoni ġenerali iżda li n-Nazzjonalisti jerġgħu jitlewmu bejniethom bħalma kienu għamlu wara l-elezzjoni tal-2017. Għal darb’oħra, ma tibqax moda l-kaċċa kontra ministri korrotti u l-ġlied fi ħdan il-PN jerġa’ jqajjem l-argument li n-nies ftit jimpurtaha mill-korruzzjoni. U l-politiċi Nazzjonalisti li mexxew il-ġlieda kontra l-kriminali jerġgħu jiġu mwarrba mill-partit tagħhom stess.

U għal darb’oħra Konrad Mizzi jqisuh bħala eroj.

Il-proċess demokratiku f’Malta qed jintuża bħala għodda mit-tiranni biex tinqered id-demokrazija u dan għaliex ftit huma dawk li joħorġu għonqhom biex jikkundannaw dan l-aġir. L-elezzjonijiet ġenerali, minflok opportunità f’idejn l-elettorat biex isseħħ il-bidla u biex jiġġeddu l-aspirazzjonijiet favur soċjetà ġusta, saru massakri tal-innoċenti. Minflok okkażjonijiet li jnisslu sens ta’ biża’ f’dawk li huma korrotti, l-elezzjonijiet ġenerali saru proċess ta’ purifikazzjoni għall-dawk il-partiti li jwarrbu lil min jheddidhom.

M’hemmx demokrazija f’pajjiż fejn ministru tal-gvern bħalma huwa Konrad Mizzi jinqabad fi skandlu ta’ tixħim u ta’ korruzzjoni u jibqa’ qisu mhux hu.

Il-Pulizija jidher li qed tirrifjuta li tħarrku u qed tirrifjuta wkoll li tnaddaflu ismu. Konrad Mizzi qed jiċħad dak li qed jiġi akkużat bih u qed jirrifjuta wkoll li jiddefendi lilu nnifsu. Tal-Labour keċċewh ‘il barra iżda baqgħu jiddefenduh u jipproteġuh.

Dan qed jagħmluh mhux għaliex jinsabu beżgħana iżda għaliex jafu li fl-aħħar mill-aħħar l-imġiba kontradittorja tagħhom mhix ser iġġenninhom. Iżda ġġennen lilna, tiżolana u ġġegħelna niddubitaw aħniex niġġennu aħna stess.

Din la hi ġjufija u lanqas mhi injoranza. Dan il-ġenn huwa wieħed studjat. Konrad Mizzi jinsab xalata. U meta tasal l-elezzjoni ser tidħak daħka twila hekk kif dawk li seraqhom ħajjin joħorġu bix-xemgħat f’idejhom biex jagħtuh qima.

Jekk bħala poplu m’għandniex il-ħila li niċħdu mġiba bħal din, inkunu qed naċettawha b’mod indirett. U meta nagħmlu dan, id-disprezz ta’ Konrad Mizzi fil-konfront tagħna jkun ħaqqna.

Qtajt qalbi? Jiddispjaċini jekk qed ninstema’ li qtajt qalbi. Jien għandi leħen u vot u ser inkompli nużahom bit-tama li għad jasal żmien li jkun hemm biżżejjed persuni li jaqblu miegħi li min jidħol għall-ħajja pubblika m’għandux iġib ruħu bħal Konrad Mizzi. U għandhom jibżgħu minn min iqabbilhom miegħu.