Dalgħodu, rappreżentanti tal-NGOs dwar il-libertà tal-kelma marru biswit il-mafkar fejn ta’ spiss isiru l-protesti favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia fil-Belt Valletta u dan bħala parti mill-missjoni tagħhom f’Malta biex ifakkru r-raba’ anniversarju mill-qtil tagħha. Rappreżentanti ta’ ARTICLE 19, il-Committee to Protect Journalists (CPJ), il-European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF), il-European Federation of Journalists (EFJ) u Reporters Without Borders (RSF) jinsabu Malta biex jiltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-gvern, ma’ rappreżentanti tas-socjetà ċivili, ma’ ġurnalisti u ma’ partijiet oħra interessati.

Fi stqarrija li ħarġu llum huma qalu li “minkejja li kien ġie reġistrat xi progress f’ċertu oqsma, l-impunità li għadha tirrenja u nuqqasijiet sistematiċi oħra qed jibqgħu jkollhom impatt negattiv fuq il-libertà tal-kelma f’Malta. Il-ħtieġa urġenti għall-ġustizzja u għall-kontabbiltà fejn jidħol l-assassinju ta’ Caruana Galizia ser ikun suġġett ewlieni fid-diskorsi tagħhom. Diskorsi li ser jinkludu sejħiet biex tiġi mwaqqfa Kummissjoni Indipendenti ta’ Esperti biex twettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tagħha.”

L-attivisti internazzjonali qalu wkoll li ser jiffukaw fuq l-attakki riċenti fuq ġurnalisti, fuq ħaddiema fil-midja u fuq it-tħassib dwar is-sigurtà tagħhom, kif ukoll dwar il-ħtieġa ta’ miżuri aħjar biex ġurnalisti u oħrajn jkunu mħarsa minn kawżi SLAPP.