Minn stħarriġ li sar jirriżulta li madwar 5,000 tifel u tifla tal-iskola m’għandhomx l-użu ta’ laptop biex ikunu jistgħu jsegwu lezzjonijiet online. Dawn it-tfal tilfu l-biċċa mdaqqsa mill-iskola tagħhom matul is-sena l-oħra meta ngħalqu l-iskejjel. U issa se jitilfu l-opportunità li jikkomunikaw ma’ sħabhom li jistgħu jużaw il-Google, jistaqsu mistoqsijiet lill-għalliema permezz tal-messaġġi u jaqsmu n-noti tagħhom ma’ sħabhom wara l-ħin tal-iskola.
Organizzazzjoni tal-karità għamlet talba lin-negozji biex dawn jgħaddulhom laptops użati biex dawn imbagħad jingħataw lil dawn it-tfal li m’għandhomx. Din hi ħaġa tajba minnha nnifisha. Għin jekk tista’.
Din hi wkoll indikazzjoni dwar fejn jinsabu l-prijoritajiet tagħna. Ilbieraħ sirna nafu li l-gvern kien xtara karozzi tal-linja ġodda fjamanti li jaħdmu bl-elettriku bil-prezz ta’ €1.9 miljun (jekk tinkludi l-postijiet taċ- charging). Dawn jinsabu mitluqin f’għalqa għax ħadd ma jaf x’ser jaqbad jagħmel bihom.
Jekk wieħed jonfoq €400 għal kull laptop, b’€1.9 miljun għandu jixtri l-laptops kollha li għandu bżonn biex jaqdi 5,000 ruħ.
Li kieku kellhom laptop kull wieħed, dawk il-5,000 ruħ kienu jimpressjonaw rwieħhom bid-diżinji grafiċi tal-website li qed twiegħed metro ġdid.
Meta t-tixrid tal-edukazzjoni ma jibqax prijorità, ma jkunx possibbli li jintlaħqu prijoritajiet oħrajn. Kull darba li l-organizzazzjonijiet tal-karità jħossu l-ħtieġa li jieħdu azzjoni, ikun ifisser li l-gvern ikun qed jonqos mid-dmir tiegħu li jiggarantixxi l-inklużjoni. Ħamest elef tifel u tifla qed jiġu abbandunati fuq in-naħa l-ħażina tal-qasma diġitali. Waqt li bosta huma dawk li jedhew jiktbu l-ħmerijiet fuq il-Facebook bħallikieku l-internet huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox, għandna tfal li jinsabu maqtugħin mil-librerija ta’ żminijietna.
Din hi sitwazzjoni tal-mistħija. Tal-mistħija li organizzazzjoni tal-karità jkollha tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tal-gvern. Pajjiżna huwa żgħir u l-prezz ta’ dawn il-laptops huwa żgħir ukoll.
Insejna x’inhuma l-prioritajiet tagħna.