Ftit hemm dubju li d-diskors tal-budget kien intenzjonat biex iġedded iċ-ċens tal-Partit Laburista fuq is-siġġu tas-setgħa politika. Tfassal biex jagħmel proprju dan, ikun hemm kemm ikun hemm dubji dwar il-kredibilità ta’ dak li ngħad.

Madankollu ma nistgħux ninsew li l-kwistjoni dwar it-tiġdid taċ-ċens fuq is-setgħa politika mhix il-problema ewlenija. Il-ħallelin kienu ħejjew pjan sabiex ir-riżultat tal-elezzjoni tal-2017 ikun ifisser 5 snin oħra tal-Labour fil-gvern. Għandna niftakru li, lill-qattiela ta’ Daphne, Yorgen Fenech kien talabhom biex iwaqqfu kollox sakemm tgħaddi l-elezzjoni. U kien biss wara li akkwista r-riżultat li kien ħawwar fil-moħħ imxajtan tiegħu li fetħilhom it-triq biex joqtluha. (Huwa jiċħad dan kollu).

Riżultat ta’ elezzjoni ma jista’ qatt iħassar id-dnubiet. Ma jistax iżommna milli nkomplu nirsistu favur il-verità u favur it-twettiq tal-ġustizzja, inkunu kemm inkunu diżappuntati hekk kif niġu wiċċ imb wiċċ mas-superfiċjalità inkredibbli li teżisti f’dan il-pajjiż. Għaliex l-għażla bejn is-sewwa u dak li mhuwiex ma jiddependix min jirbaħ konkors tas-sbuħija.

Dan kien biss il-bidu. Jeħtieġ li nibqgħu hemm sal-aħħar.