Id-diskors tal-baġit tal-bieraħ kien immirat biex ma jiksirha ma’ ħadd u biex jogħġob lil kulħadd. Għamlu ħafna tbassir dwar it-tkabbir tal-ekonomija u l-gvern iddeċieda li seta’ jkun ġeneruż. U hekk għamel.

Ekonomista tal-affari tiegħu għandu jifli sewwa dan it-tbassir. Għandu jħares lejn il-figuri u jgħarbel huwiex possibbli jew le li jintlaħqu dawk il-miri u fl-istess ħin iwissi dwar riskji li jista’ jkun hemm. Għandu wkoll jistaqsi jekk nifilħux jew le li nkunu ġenerużi – għax wara kollox ser ikun il-poplu li jħallas – u dwar jekk il-gvern għandux raġun jgħid li jista’ jasal.

Din mhix kritika lill-gvern bl-istess manjiera li għandha tikkritika Oppożizzjoni Parlamentari li tkun trid tfittex li tgħid xi ħaġa dwar il-ġid mitfugħ mill-gvern lejn il-poplu bħallikieku qed jixħet il-ħobż u deheb fil-Kolossew. Is-serjetà titlob li għandha ssir evalwazzjoni teknika tal-baġit lil hinn mir-retorika politika.

Tat-TVM sejħu lil Kirsten Cutajar Miller biex tagħtina l-fehma esperta tagħha.

Min hi din?

Din mhi ħadd ħlief veterana ta’ Nexia BT li tgħallmet fl-iskola ta’ Brian Tonna dwar l-oġġettività professjonali f’oqsma li għandhom rabta mal-Partit Laburista. Din l-imbierka kienet ukoll waħda minn dawk li kienu għarblu u għażlu lill-Electrogas fil-proċess infami tal-għażla tal-power station.

Il-gvern qed ipinġi stampa ta’ fiduċja f’dan l-aħħar eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi u ta’ propaganda qabel elezzjoni li x’aktarx li ser jirbaħ. Iżda jidher li ser jibqgħu b’seba’ għajnejn. L-analiżi ekonomika tal-baġit tat-TVM swiet daqs kemm kienet tiswa l-paġna tal-ekonomija fil-Pravda qabel tfaċċa l-Glasnost.