John Dalli sar qisu dak iz-ziju li, akkost kollox, ikun jaqbillek tevitah anki matul il-ġranet tal-Milied. Ma tridx wisq għerf biex ixxomm kull pass li jkun biħsiebu jagħmel. Ftit huma dawk li skantaw li, minn tant nies, kellu jitfaċċa proprju ismu hekk kif inkixfu l-kontijiet sigrieti tal-banek tal-Pandora Papers. It-tweġiba tiegħu wkoll wieħed seta’ jbassarha. Issa ilu madwar għoxrin sena jwaħħal f’Daphne Caruana Galizia għal kull saram li jkollu. U baqa’ jwaħħal fiha minkejja l-fatt li issa ilha mejta erba’ snin.
Naslu għall-punt li ridt nagħmel. F’wieħed mill-attakki isteriċi li jaf joħroġ bihom kull darba li ismu jissemma’ fl-aħbarijiet, huwa reġa’ attakka l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u lil binha Matthew li għadu mimli bil-għomor u dan biex jaljena l-imħuħ tan-nies minn dak li nkixef dwaru.
Hu u jeqred, ma tana ebda ħjiel li l-kumpannija fil-British Virgin Islands li sirna nafu li kienet tiegħu kienet twaqqfet minn Daphne jew minn Matthew Caruana Galizia. Għaldaqstant ma kellux għalfejn joqgħod iwaħħal talli nkixef.
L-attakk li għamel John Dalli fuq il-ġurnalisti ma kienx wieħed minn dawk li soltu jagħmlu dawk li jsibu ruħhom b’daharhom mal-ħajt. Dakinhar li xxandru l-Pandora Papers, in-nies li nkixfu bil-kontijiet sigrieti wieġbu billi qalu li “kumpanniji offshore mhumiex illegali”, u ‘xorta tħallset it-taxxa jew se titħallas’, jew ‘ma ntefqux flus il-poplu f’dawn il-kontijiet’.
Tafu x’’kienet l-iskuża li ġab John Dalli? ‘Tort ta’ Daphne’. ‘Din kampanja ta’ mibgħeda.’ ‘Jien vittma.’
Wasal iż-żmien li l-ġurnali ma jibqgħux jagħtu attenzjoni lil dan il-bniedem paranojku u delużjonali. Għandu kull dritt li jagħti l-verżjoni tiegħu fil-ġurnali dwar l-allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina, iżda din il-verżjoni għandha tkun waħda fattwali mhux waħda msejsa fuq allegazzjonijiet.
M’għandux jingħata d-dritt li jxerred il-mibgħeda li għandu tiġri f’demmu. Forsi wliedu jkollhom ta’ bilfors jissaportu kemm lilu kif ukoll lill-viżjoni perversa tiegħu. Min jaf? Wara kollox għandhom mnejn li jifhmuha bħalu. Imma aħna m’għandniex għalfejn noqogħdu nissaportuh.
Bħal ħafna minn dawk li ssemmew fil-Pandora Papers u fi skandli oħrajn li nkixfu tul dawn l-aħħar snin, John Dalli jista’ jipprova jiġġustifika l-imġiba tiegħu kemm irid. Fil-każ tiegħu nista’ nilmah biss ħaġa waħda. Għal għaxar snin sħaħ John Dalli serva bħala l-ministru tal-finanzi ta’ Malta u kien għoddu xeba’ jħeġġeġ u jordna biex in-nies tħallas it-taxxi biex ikun jista’ jmexxi l-pajjiż. Iżda meta ġieh iċ-ċans, ħoloq strutturi biex ikun jista’ jgawdi minn ħlasijiet bil-moħbi minn wara dahar l-awtoritajiet tat-taxxa Maltin.
Min jiftaħ kumpanniji offshore, tal-inqas għandu jitqies bħala evażur tat-taxxa. Il-fatt li ħoloq din il-kumpannija fiż-żmien meta kien membru parlamentari u żammha anki meta kien qed iservi bħala Kummissarju Ewropew iġegħelna nissuspettaw fil-korruzzjoni jew f’interessi konfliġġenti. Imma lanqas wisq jimporta. L-evażjoni tat-taxxa hi biżżejjed. Iżda kemm huwa agħar li kellu jkun dak li kien responsabbli li jara li jinġabru t-taxxi tagħna, dehrlu li tant sar sinjur li ħass li seta’ jikser il-liġijiet li kien għadda huwa stess.
Issa jista’ jagħti l-każ li l-awtoritajiet tat-taxxa ftit li xejn jistgħu jieħdu azzjoni dwar dak li nkixef dwar John Dalli fil-Pandora Papers. Iżda dan ma jfissirx li m’għandniex dritt li nsiru nafu. Għandna kull dritt li nħossuna diżappuntati għall-fatt li konna fdajnieh għal tant snin. U għandna dritt nippretendu li dawn il-ġrajjiet għandhom iservu ta’ twissija għall-mexxejja preżenti u futuri tagħna. Fis-sens li l-isforzi tagħhom biex jgħattu xturhom, jafu jfallulhom bl-ikrah fil-futur.
Sadanittant ma ħaqqniex noqogħdu nissaportu l-ġennati ta’ John Dalli.