Joseph Muscat ser jissejjaħ biex jixhed flimkien ma’ xhieda oħrajn fil-ġuri kriminali ta’ Matteo Salvini, il-kap tal-partit lemini l-Lega fl-Italja u eks Ministru tal-Intern li jinsab mixli bi ħtif ta’ persuni wara li, għal bosta ġranet, ma ppermettix li vapur ta’ NGO Spanjola jidħol fil-port ta’ Lampedusa b’147 migranti abbord.
Għalkemm Joseph Muscat huwa biss imsemmi bħala xhud f’dan il-każ, f’okkażjonijiet oħra huwa kien ħa deċiżjonijiet li jixbhu dawk li ħa Matteo Salvini u kien ukoll ma ppermettiex vapuri mimlijin migranti li jidħlu fil-portijiet Maltin.
Fis-smigħ tal-bieraħ quddiem il-qorti f’Palermo, ġie deċiż li f’dan il-każ ser jinstemgħu x-xhieda kollha li ser jipproduċu l-partijiet kollha fil-każ. Minbarra l-eks Prim Ministru ta’ Malta, il-lista tax-xhieda tinkludi bosta politiċi oħra tal-imgħoddi u tal-preżent, uffiċjali tas-servizzi sigrieti u l-attur ta’ Hollywood Richard Gere li kien tela’ fuq il-vapur Open Arms f’Awwissu tal-2019 waqt il-kriżi fiż-żmien li Matteo Salvini kien il-Ministru tal-Intern tal-Italja.
Salvini jinsab mixli talli ma ppermettiex vapur jidħol fil-port ta’ Lampedusa. Il-prosekuturi qed isostnu li Salvini ħa din id-deċiżjoni bi sfida tal-ex Prim Ministru Giuseppe Conte li f’sensiela ta’ emails kien stieden lill-mexxej tal-Lega sabiex jawtorizza t-tlugħ fl-art ta’ persuni taħt l-età li kienu jinsabu fuq l-Open Arms u dan anki in vista tal-fatt li l-vapur kien fl-ibħra territorjali Taljani.
Id-deċiżjoni li ħadet il-qorti li tisma’ x-xhieda kollha tfisser li l-proċeduri se jmorru lil hinn mid-dettalji tal-inċident u ser jagħrblu wkoll, per eżempju, r-riskju li terroristi jinfiltraw qalb il-migranti.
L-inklużjoni ta’ Joseph Muscat bħala xhud mhux ser tgħin il-każ tal-prosekuzzjoni kontra Salvini għaliex il-liġi Taljana tgħid li eks kap ta’ gvern ta’ pajjiż ieħor jibqa’ jgawdi mill-immunità diplomatika u għaldaqstant ma jistax jiġi mġiegħel jixhed bħal xhieda kontra oħrajn.
Joseph Muscat kien iddaħħal fil-lista tax-xhieda msejħin mid-difiża ta’ Salvini biex isaħħu l-argument tagħhom fis-sens li l-Open Arms kienet għażlet li tersaq lejn Lampedusa meta kellha l-opportunità li ssalpa lejn f’Malta.
Avukat ta’ Salvini kkwotat mir-RAI stqarr li “il-ħtif ta’ bnedmin huwa reat kriminali fil-każ li l-vittma tiġi mġiegħla tibqa’ post wieħed. F’dan il-każ, il-vapur kellu l-possibbiltà li jsalpa lejn Spanja jew lejn Malta u ma kienx ġie mġiegħel jibqa’ l-Italja u għaldaqstant ma jistax jingħad li kien seħħ ħtif”.
Il-każ fil-qorti jissokta fis-17 ta’ Diċembru.