Konna nafu li jekk niddeċiedu li mmorru quddiem il-kanċell tal-kwartier ġenerali ta’ Pulizija biex neżiġu li dawn jieħdu passi kontra eks ministru tal-gvern li huma msejsin fuq provi ta’ tixħim li ilhom 5 snin li nkixfu, kien ser ikun hemm min jitmeżmeż. U konna nafu li wħud minn dawn kienu ser jerħulha għal fuq il-Facebook biex jippruvaw jintimidaw. Wara kollox, dan mhuwa xejn ħlief fatt tal-ħajja.

Iżda xi drabi jkun hemm min jaqbeż il-linja tad-diċenza bħal meta xi ħadd jikteb fil-Facebook dwar il-mod kif ser joqtlok. Ċerta Alexandra Micallef jidhrilha li l-attivisti li qed jipprotestaw fuq l-għatba tal-kwartier tal-Pulizija ma jistħoqqilhomx li jkunu mifdija mis-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu. U għaldaqstant trid li jintuża tagħmir goff biex taħtu jgħaffeġ lill-attivisti. Għallinqas din Alexandra Micallef innifisha jidher li jisħoqqilha li tkun mifdija mis-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu.

Sadattant sar rapport lill-Pulizija.

Wieħed għandu jistenna li ħadd m’għandu għalfejn joqgħod jibża’ għal ħajtu kemm-il darba jagħżel li jipprotesta fuq l-għatba tal-kwartier tal-Pulizija, għalkemm l-istorja f’dan ir-rigward mhi konsistenti xejn.