It-tixwix qed iseħħ kuljum. Jien kien imissni li ktibt dwaru kull darba li jseħħ. Jeħtieġ nifhmu l-importanza dwar kif tal-One TV ixandru rapporti u kummenti dwar protesta tas-soċjetà ċivili għaliex il-One TV huwa stazzjon kontrollat mill-partit fil-gvern u li jitkellem f’ismu. Din mhi xejn ħlief ir-reazzjoni tal-istat Malti għall-protesta paċifika ta’ grupp żgħir ta’ persuni barra l-kanċell tal-kwartier ġenerali tal-Pulizija li qed jeżiġu li tittieħed azzjoni kriminali kontra eks ministru li nkixef fi skandlu ta’ korruzzjoni. Segwu l-filmat hawn: 

Kif stajtu taraw, f’dan il-filmat ma tissemma mkien ir-raġuni l-għala qed issir il-protesta. Imkien ma jingħad x’inhi r-raġuni wara l-protesta ta’ dawn l-attivisti. Konrad Mizzi ma jissemma’ mkien. Ma jissemmew imkien – lanqas barra mill-kuntest tagħhom – l-istqarrijiet li saru mill-attivisti.

Minflok, tal-One TV – jiġifieri tal-Labour – iddeċidew li dawn l-attivisti jinsabu rrabjati għall-fatt li ma ssejjħitx elezzjoni. Taw din ir-raġuni mingħajr ma qalu wkoll li din hi biss l-interpretazzjoni tagħhom jew li jidhrilhom li r-raġunijiet li ngħataw mill-attivisti huma foloz. Fi kliem ieħor, għażlu li jigdbu u jqarrqu.

Imbagħad ir-“rapport” jinkwadra ritratti ta’ persuni jitkellmu mal-attivisti. Fosthom hemm deputati tal-Oppożizzjoni. Hemm ukoll saċerdot u ġurnalist li nzertaw kienu fil-post fil-ħin meta għaddiet karrozza u s-sewwieq tagħha ġibed filmat b’mod klandestin. Tal-One TV bħal speċi riedu jpinġu lil dawn il-persuni bħallikieku għamlu xi ħaġa ħażina, illegali, minn taħt u sedizzjuża.

Karl Stagno Navarra jidher jagħmel l-analiżi tal-“provi”. Jgħid li Repubblika hi appoġġjata mit-“tliet kolonni tal-establishment: jiġifieri l-PN, il-Knisja u l-mezzi tax-xandir”. Diskors bħal dan mhu xejn ħlief wieħed populist klassiku li hu mlissen min-neo-faxxisti tal-Ewropa ċentrali. U hekk kif itemm il-priedka velenuża tiegħu, titfaċċa Miriam Dalli, ministru tal-gvern, ministru li suppost tinsab tnaddaf il-ħmieġ u l-kallu li ħalla warajh Konrad Mizzi, turi l-qbil tagħha mal-messaġġ ta’ Karl Stagno Navarra billi tibqa’ maġenbu u tirrepeti siltiet mill-velenu li lissen hu. Għaldaqstant, għat-telespettatur medju tal-One TV, hemm numru ta’ attivisti sedizzjużi appoġġjati mill-Knisja u mill-mezzi tax-xandir li qed ifittxu li jaħtfu s-setgħa minn idejn il-partit tagħhom għaliex m’għandhomx il-ħila jirbħulu f’elezzjoni.

Rapport bħal dan ixerred il-mibgħeda li jien diġà ktibt dwarha u li saħansitra jġiegħel lil uħud li jheddu bil-mewt f’isimhom. Aqraw ftit x’għoġobhom jiktbu dalgħodu: U issa agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat mimli mibgħeda li huwa twil 75 minuta. Dan l-imbierek, li jġib l-isem “Michael”, jidher li kilitu u kkunsmatu l-mibgħeda li għandu f’qalbu. Dan “Michael” mhuwiex kelliem uffiċjali tal-Partit Laburista għalkemm jippretendi li jitkellem f’isem il-“Laburisti”. Il-mibgħeda li għandu hi ċara u tonda daqs dik ta’ Karl Stagno Navarra u ta’ Miram Dalli iżda ma qgħadx attent biżżejjed li ma jiksirx il-liġijiet. 

Michael ikeskes u jxewwex lis-semiegħa tiegħu favur il-vjolenza u jsejjaħ għal vendetta wara li tgħaddi l-elezzjoni għaliex il-vjolenza fiżika mhix ser tagħmel ħsara lill-Partit Laburista. Mill-appartament tiegħu barra minn Malta u f’dagħdiha ta’ reviżjoniżmu storiku, dan jiġġustifika u jiskuża l-vjolenza li kienet seħħet fl-imgħoddi.

U peress li dan tkellem bil-Malti, tal-Facebook jidher ser idumu sakemm jintebħu li qed jgħinu fit-twettiq ta’ reat kriminali. L-esperjenza tal-passat turina, iżda, li tal-Facebook x’aktarx ser jirrifjutaw li jħassru d-diskors li xandar dan “Michael” li mhu jagħmel xejn ħlief jirrepeti l-mibgħeda ta’ Karl Stagno Navarra.

Lil dawk li jsegwuh, Robert Abela jgħidilhom li l-imġiba ta’ Konrad Mizzi mhix aċċettabbli, li huwa fid-dmir li jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-PAC u li l-liġijiet jgħoddu għal kulħadd, inkluż Konrad Mizzi. Iżda jekk tal-One TV dan ma jxandruhx, jafu li l-udjenza mhix ser tħabbel rasha.

Jekk ikun hemm biżżejjed mibgħeda fil-pajjiż – u minnha hemm bir-radam – jista’ jkun hemm diversi verżjonijiet kontradittorji tal-verità anki jekk din titlissen mill-istess prim ministru. Dawn il-kontradizzjonijiet mhuma xejn ħlief tixwix u tkeskis favur il-vjolenza.

X’risposta għandna nagħtu lil dawn il-manigoldi? Għandna noqogħdu kwieti f’darna ma jmorrux jinkwadrawna f’xi filmat talli qed ninsistu li ssir ġustizzja?

Jew għandna ningħaqdu fil-protesta li ser issir għada l-Ġimgħa fis-18:30 quddiem Kastilja?