Ikollu kemm ikollu problemi fuq ħoġru, lejlet elezzjoni ġenerali ebda gvern ma jkun lest jammetti li jkun qed iberraq. Ma kellna ebda dubju  mid-diskors tal-baġit tal-bieraħ li l-gvern ser jiftaħ idejh u jqassam iċ-ċejċa. Għaliex – jingħad x’jingħad dwar il-maturità demokratika tal-poplu tagħna – lill-gvern bqajna sal-lum inqisuh bħallikieku huwa xi Father Christmas u d-diskors ta’ kull sena tal-baġit bqajna nqisuh bħallikieku huwa rendikont annwali dwar kemm il-qaddejja tiegħu jkollhom ħila li jaħdmu ġugarelli b’xejn għal kulħadd.

Id-diskors tal-baġit tal-bieraħ issejjes fuq sensiela ta’ tbassiriet kuraġġużi ġmielhom. Skont il-Ministru, l-ekonomija ta’ Malta fi żmien qasir ser terġa’ lura għal-livelli ta’ qabel l-imxija. Tabilħaqq il-gvern jistenna li jmur aħjar minn hekk u qed ibassar li ser jiġbor €1.9 biljun ewro mill-ħlas tat-taxxi meta fl-2019 kien ġabar mal-€1.7 biljun. Barra minn dan,  qed ibassru li mill-VAT ser jiġbru mal-€1.2 biljun meta fl-2019 kienu ġabru mad-€900 miljun. Għaldaqstant il-gvern qed ibassar li ser idaħħal ammont akbar minn dak li daħħal qabel ħakmet l-imxija u ser ukoll jonfoq aktar.

Qed nipparaguna mad-dħul tal-2019 biex b’hekk nelimina l-fattur tal-pandemija. Anki jekk tittieħed in konsiderazzjoni ż-żjieda fl-inflazzjoni, it-tbassir tal-gvern fejn għandu x’jaqsam it-tkabbir ekonomiku jista’ jitqies bħala wieħed aggressiv. Tista’ tgħid li huwa wkoll tbassir pjuttost ottimist.

M’hemm xejn ħażin li tkun ottimist.

Lanqas mhu ħażin li wieħed jistaqsi xi mistoqsijiet.

Huwa ċar li l-gvern qed ibassar li t-tqegħid ta’ Malta fil-Lista l-Griża mill-FATF mhu ser ikollu ebda impatt fuq l-ekonomija Maltija. Qed ibassar ukoll li mhix ser teffettwana x-xejra dinjija favur l-armonizzazzjoni tat-taxxi. Xejra li Clyde Caruana ammetta li se ġġegħelna naġġustaw ir-rata baxxa tat-taxxi tagħna.

Xi ġranet qabel il-baġit, il-ministru tal-finanzi stqarr li kien biħsiebu jagħmel proposti lill-OECD biex Malta titħalla tibqa’ żżomm is-sistema ta’ taxxi baxxi (taħt il-15%) għal kumpanniji medji u kbar – li huma l-biċċa l-kbira tal-kumpanniji li għandna – u tikkonforma mal-minimu tal-15% għal kumpanniji kbar ħafna li f’Malta m’għandniex minnhom.

Li kieku kellha tgħaddi tal-gvern, inkunu nistgħu niżgiċċaw mill-konsegwenzi tal-armonizzazzjoni tat-taxxi. U jerġa’ jirrepeti ruħu dak li seħħ fl-2004 meta Malta kienet innegozjat b’suċċess mal-UE biex ikollha rata ta’ taxxa ta’ 5% biss għal kumpanniji li s-sidien tagħhom mhumiex residenti f’Malta, u dan minkejja l-fatt li Malta kienet ser tkun pajjiż  membru. Kif kien stqarr Boris Johnson, dak iż-żmien kien irnexxielna nġibuha żewġ.

Tgħid għad jerġa’ jirnexxielna minkejja l-fatt li xeħtuna fil-Lista l-Griża u llum aħna meqjusin bħala ġurisdizzjoni finanzjarja ta’ riskju għoli?

Il-pjan ta’ Clyde Caruana hu msejjes fuq fiduċja bla qies li għad jirnexxielna.

Madankollu huwa ċar li mhumiex lesti li jieħdu r-riskji u fil-frattemp ser isejħu elezzjoni ġenerali.

Wara kollox, sa sena oħra mil-lum, ħadd mhu ser jibqa’ jiftakar x’kienu wegħduna.