Wara li kien injora żewġ stediniet li għamillu l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex iwieġeb għal mistoqsijiet dwar il-kuntratti tal-enerġija li hu stess kien innegozja u ffirma, ilbieraħ Konrad Mizzi qal li kien biħsiebu jilqa’ t-tielet stedina li saritlu.
Stqarr li ma riedx lil dawk il-mingħulin ta’ Nazzjonalisti “jaljenaw” lill-poplu mid-diskors kbir li kien għamel Robert Abela. Ilbieraħ tal-PN ippreżentaw mozzjoni fil-plenarja li ssejjaħ lil Konrad Mizzi biex jagħti rendikont ta’ għemilu. Issa li ddikjara li ser jilqa’ l-istedina għal-lum, din il-mozzjoni spiċċalha l-valur tagħha.
M’għandniex xi ngħidu, din hi biss ir-raġuni uffiċjali. Minħabba l-ħjiel li smajna minn fomm Clyde Caruana, lil Konrad Mizzi x’aktarx qalulu li dawk li kienu l-kollegi tiegħu fil-Partit Laburista din id-darba ma kinux ser jivvutaw biex isalvawlu ġildu.
Allura issa Konrad Mizzi, rasu mdendla fl-umiljazzjoni, ser jattendi għal-laqgħa tal-PAC u ser jirrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet biex ma jinkriminax ruħu. Dan sakemm ma taqbiżlux u jkompli jħaffer il-ħofra li jinsab fiha.
Konrad Mizzi għandu esperjenza mhux ħażin fejn għandhom x’jaqsmu l-interrogazzjonijiet. Meta ssejjaħ jixhed quddiem l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa kien stqarr li “jagħżel li ma jweġibx” bħallikieku din kienet xi għażla.
Issa li dalwaqt tissejjaħ elezzjoni ġenerali, l-Partit Laburista ser ikun ħeles minn Konrad Mizzi jew għallinqas mill-preżenza tiegħu fil-Parlament. Ikkalkulaw li jkun aktar jaqblilhom jekk pubblikament isirulu l-mistoqsijiet quddiem il-PAC milli li jsir dibattitu fuq mozzjoni parlamentari li ssejjaħlu biex jattendi.
Hemm ċerta tifsira f’dan kollu. Il-konvenjenza politika tal-Partit Laburista lir-reġim ta’ Joseph Muscat qed jikkalkulah mod ieħor. Ikkalkulaw ukoll li lil Konrad Mizzi ħadd mhu jemmnu. Qatt ma emmnuh u l-partitarji tiegħu m’għadhomx jemmnuh.
M’għadhomx jittamaw li elezzjoni ġenerali għad issibilhom tarf din il-kwistjoni. Din il-kwistjoni ma kinux sabu tarfha fl-2017 meta lil Konrad Mizzi kienu għadhom qed jgħolluh fuq l-ispallejn. U mhumiex ser isibu tarfha issa li l-kollegi tiegħu tawh il-ġenb.
Konrad Mizzi jista’ jkompli jilludi ruħu li ser jgħaddiha lixxa. Erba’ snin ilu kien ħaseb li għaddieha lixxa.
Ma jistax jgħaddiha lixxa.