L-istorja ewlenija tal-lum tat-Times of Malta dwar id-diskors tal-bieraħ ta’ Robert Abela hi verżjoni kemxejn inqas ironika ta’ dak li ktibt jien dwar it-temi tal-baġit u dwar it-tweġiba għalih tal-oppożizzjoni. L-aqwa żmien kien biss il-bidu. Iċ-ċejċa għad irridu nmaxtruha. Robert Abela qalilna lbieraħ li qed jilmaħ “prosperità ġdida”.

Tajjeb li jkollok prim ministru li juri ċerta ambizzjoni. Iżda kien ikun aħjar li kieku rrikonoxxa fejn ninsabu bħalissa qabel joqgħod iwiegħed fejn ser jieħu lill-pajjiż.

Bħalissa fejn ninsabu? Għall-ewwel darba f’perjodu ta’ 17-il sena, tal-EY ilbieraħ xandru sondaġġ li minnu jirriżulta li l-biċċa l-kbira tal-investituri internazzjonali li joperaw f’Malta jippreferu li joperaw minn band’oħra milli minn Malta.

Bosta mill-investiment li jseħħ f’Malta jikkonsisti fit-tkabbir ta’ investiment li jkun diġà jeżisti band’oħra. Kull investiment ġdid iseħħ wara li tkun saret investigazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-pajjiż u wara li l-investituri jkunu tkellmu ma’ dawk li lil pajjiżna jafuh u jaħdmu fih. U dawn x’aktarx ser jisimgħu dak li semgħu tal-EY: jiġifieri “tersqux lejn Malta”.

Inkwetati kemm huma inkwetati bosta mill-investituri li joperaw f’Malta, bosta minnhom għadhom jittamaw u qed jgħidu li għalissa ser jibqgħu hawn biex jaraw jekk is-sitwazzjoni hix ser titjieb jew le. Dan għaliex deċiżjoni biex jiċċaqlaq negozju minn pajjiż għal ieħor tiswiehom il-flus. Mir-riżultat tas-sondaġġ, tal-One TV siltu biss il-fatt li 80% tan-negozji eżistenti jixtiequ li jibqgħu f’Malta.

M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll in-naħa l-oħra tal-munita. Wieħed minn kull ħames negozji li joperaw minn Malta, qed iħejju biex jitilqu. U dawn iddeċidew hekk wara li ftit xhur ilu tal-FATF xeħtu lil Malta fil-Lista l-Griża. Li wieħed minn kull ħames negozji ser jitilqu lil pajjiżna mhu xejn ħlief diżastru.

It-tluq ta’ negozji mill-pajjiż jikkawża t-tkeċċijiet mill-impjieg u tnaqqis fl-infieq mill-barranin f’dik li hi ħajja u ħlas ta’ krejja. Meta jibdew jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn, tkompli ssir il-ħsara għaliex kull investitur potenzjali jibda’ jerġa’ jaħsibha jiġix hawn.

L-investiment potenzjali li jispiċċa fix-xejn, ma tista’ qatt tkejlu. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-investituri biex jinvestu fil-Lussemburgu jew fl-Irlanda minflok f’Malta ma jkunux miktubin bl-iswed fuq l-abjad. Daqskemm ma tkunx miktuba bl-iswed fuq l-abjad kull konversazzjoni li ssir bejn investitur u negozjant lokali li fiha l-investitur jistqarr li jekk Malta ser tagħtihom ir-reputazzjoni li għandha l-Panama, kważi kważi jkun vallapena li jinvesti fil-Panama mill-bidu nett.

Nafu ben tajjeb li dan diġà qed iseħħ. Qed isir ħafna tfesfis fil-widnejn fost dawk li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u bosta investiment potenzjali qed jibqa’ fl-arja. Iżda kulma smajna mingħand il-prim ministru u mill-kap tal-oppożizzjoni hu li huma fiduċjużi li din problema għad insibu tarfha.

Tal-PN qed jgħidu bis-saħħa ta’ bidla fil-gvern, il-pajjiż jieħu nifs ġdid u terġa’ tixxettel il-fiduċja f’Malta, kif wara kollox kien ġara’ fl-1987 u fl-1998. F’dawk is-snin, wara li l-PN kien reġa’ ħa f’idejh ir-riedni tal-gvern, kienet seħħet bidla fil-politika tal-gvern Malti li ħadet xejra normali u waħda favur il-Punent u l-ekonomija tal-pajjiż kienet ħadet ir-ruħ. Dan huwa fatt storiku u jidher li issa l-PN qed jerġa’ jsejjes il-kampanja elettorali tiegħu fuq l-aħbar saħħa li għandu – jiġifieri n-normalità.

Mill-banda l-oħra, l-Partit Laburista mhuwiex jgħid fuqhiex ser tissejjes din l-hekk imsejħa “prosperità ġdida”. Il-prosperità falza ta’ dawn l-aħħar tmien snin wasslitna fl-isqaq li konna bassarna li ser twassalna fih. Tatna r-reputazzjoni ħażina li llum għandna fost dawk li jmexxu l-oqsma li konna nikkompetu fihom. Qerditilna lill-ambjent. Ħolqot opportunitajiet biex jixxaħħmu l-politiċi u fl-istess waqt ħolqot kriżi ta’ kredibilità fl-istituzzjonijiet. Tant imminat is-saltna tad-dritt li saħansitra anki fuq il-kredenzjali demokratiċi tagħna hemm id-dell tad-dubju.

U issa bosta mill-investituri li jħaddmu n-nies fil-pajjiż qed jgħidu bla tlaqliq li jippreferu li joperaw minn band’oħra.

Ħames snin oħra nterrqu f’din it-triq, kif qatt jistgħu jwassluna għal prosperità ġdida? Jekk dan naslu biex nemmnuh, inkunu qed ngħixu fid-dinja tal-ħolm ta’ Robert Abela. Tasal biex temmen fil-kontradizzjoni li, filwaqt li bosta investituri qed jgħidu mingħajr tlaqliq li jippreferu li joperaw minn band’oħra, l-prim ministru tiegħek qed jgħidlek li triqtu ser twassal biex jimliek bil-ġid.

Jekk dan tasal biex temmnu (u jidher li bosta mill-votanti lesti li jemmnuh), ser ikun ħaqqna dak li hemm lest għalina.