Jidher li mhux biżżejjed għall-membri ta’ dan il-gvern il-kważi ċertezza li ċ-ċens li għandhom fuq is-siġġu tas-setgħa ser jiġġeddidilhom għal 5 snin oħra. Xorta waħda jħossu l-ħtieġa li l-qilla tat-trolls jinfexxuha fuq l-avversarji tagħhom li ta’ sikwit itemmu n-nuqqas ta’ argumenti li jġibu bil-kliem “erbgħin elf” u bi stampa ta’ ringiela lumi.

Araw ftit x’għoġbu jikteb Alex Agius Saliba.

Issa kulħadd jaf li l-istaġun tal-insib huwa kollox barra eżerċizzju ta’ riċerka. Ma ssir ebda forma ta’ riċerka min-nassaba. Kulma jagħmlu dawn hu li jonsbu l-għasafar. Meta tissemma’ r-riċerka ma tkun qed tingħad xejn ħlief gidba mmirata biex tikser il-liġijiet. Dan l-aġir huwa riflessjoni tal-attitudni tagħna fil-konfront tal-liġijiet. Moħħna biex nivvintaw l-iskużi li ħadd ma jemminhom u mbagħad ngħaddu wkoll biex niċċajtaw dwar l-imġiba tagħna.

Ian Borg stqarr li “uliedna għad jisħtuna kemm-il darba ma nibdewx nibnu l-metro minn issa”. F’daqqa waħda l-kwistjoni tal-metro saret waħda ta’ urġenza kritika. Ilhom 8 snin jibnu u jwessgħu t-toroq, ħassru l-iskemi kollha tal-immaniġġjar tal-parking, lanqas biss għaddiltilhom minn moħħom li jikkunsidraw il-congestion charging, tkellmu favur il-bini ta’ mina bejn il-gżejjer bħala l-unika soluzzjoni u issa qed jgħidulna li jekk ma nitkellmux favur il-proġett tal-metro u ninjoraw l-ispejjeż reali tagħha u tal-implikazzjonijiet, ikun ifisser li nobogħdu lil uliedna.

Ftit ilu Konrad Mizzi ħabbar li kien ser jattendi laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi wara li rrifjuta li jattendi għal żewġ seduti wara xulxin, biex imbagħad reġa’ bdielu, xela’ liċ-Chairman tal-PAC talli għamillu t-tielet appuntament u ħareġ bi skuża li l-avukat tiegħu (maġistrat irtirat li għandu klijent wieħed biss, jiġifieri Konrad Mizzi) ma setax jattendi. Konrad Mizzi wera d-disprezz tiegħu lejn il-Parlament, istituzzjoni li fiha kien ġie elett biex iservi għal darbtejn, u għandu l-wiċċ sfiq li jsejjaħ “arroganti” liċ-chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami. U dlonk wieġbu mijiet ta’ partitarji biex jesprimu s-“solidarjetà” tagħhom ma’ Konrad Mizzi bħallikieku hu xi vittma.

Fost dawn il-partitarji tfaċċa isem Tarcisio Mifsud li jinsab mixli li kien ixxaħħam bħala impjegat għoli mal-Enemalta.

Hu u jikkonkludi d-diskors tiegħu tal-baġit Robert Abela stqarr li l-gvern għandu r-rekord f’idejh ta’ kemm għadda liġijiet biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt. Tkellem flok Edward Zammit Lewis li bħal donnu sparixxa mix-xena issa li qed jissielet biex iħares il-karriera politika tiegħu. Li kieku tassew tirrenja s-saltna tad-dritt, Zammit Lewis kien ikun l-ewwel li jwarrab mill-politika minnufih. It-tibdiliet li saru seħħew biss sforz il-pressjoni li għamlu fuq il-gvern tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Sadattant il-konvenzjoni kostituzzjonali li kienu wiegħdu tal-Labour qabel l-elezzjoni tal-2013 baqgħet biss ħolma.

Matul l-istess diskors Robert Abela wiegħed li l-gvern li jmiss immexxi minnu ser iħares lill-ambjent u ammetta li tal-Labour kienu ttraskuraw dan il-qasam fl-ewwel 8 snin tagħhom fit-tmun. U lill-ambjent kienu ttraskurawh tort tan-Nazzjonalisti li fl-2013 ħallew pajjiż b’ekonomija staġnata. Speċi ta’, biex setgħu jagħtu spinta lill-ekonomija, tal-Labour kellhom ta’ bilfors jittraskuraw lill-ambjent. Hekk sewwa! Kull darba li teħżien l-ekonomija tal-pajjiż – u f’kull pajjiż l-ekonomija tgħaddi minn fażijiet tajbin u minn fażijiet ħżiena u Malta mhix eċċezzjoni – nistgħu naħarqu kull m’hawn. Mhux talli m’għandniex nirrabjaw meta naraw lill-gvern jelimina s-siġar u jkerrah l-ambjent rurali u urban, iżda lill-gvern għandna nixgħelulu x-xemgħat u ninżlu għarrkupptejna aħna u niżżuh ħajr!

Min-naħa tiegħu, Clyde Caruana irrikonoxxa li l-edukazzjoni hi l-akbar sfida li għandna quddiemna u li hi qasam li jeħtieġ ir-riformi. Huwa stqarr li s-servizzi edukattivi jeħtieġ li jitjiebu jekk irridu naslu biex inżidu l-produttività tagħna. U li sakemm din tiżdied ma nistgħux nibdew naħsbu biex inqassru l-ġranet tax-xogħol. Iżda mbagħad għamel baġit li ser ffinanzja aktar lil kull qasam, minbarra dak tal-edukazzjoni.

Il-paroli dwar “prosperità ġdida” mhuma xejn ħlief eżerċizzju ta’ trolling. Il-baġit kollu huwa msejjes fuq il-premessa li Malta ser ikollha tkabbir ekonomiku mingħajr preċedent.  Kemm-il darba nibilgħuha li din il-premessa hi waħda kredibbli, ikollna nagħlqu għajnejna għall-evidenza ċara li tinsab quddiem wiċċna u nibdew niddubitaw aħniex qed niġġennu. Bħallikieku l-Lista l-Griża li xeħtuna fiha ma teżistix. Bħallikieku d-dinja mhix miexja b’mod mgħaġġel lejn l-armonizzazzjoni tat-taxxi. Bħallikieku r-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja ma saritilhiex ħsara kbira. Kollox jinsab fl-immaġinazzjoni ta’ moħħna għaliex aħna Nazzjonalisti preġudikati u għajjurin għas-suċċessi u għall-għerf bla tarf tal-Labour!

Sar ħafna diskors dwar l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Tal-Labour ta’ spiss jgħidu li jirrispettaw il-proċess li seħħ u li biħsiebhom iwettqu r-rakkomandazzjonijiet. Iżda lbieraħ fil-qorti lil Pawlu Lia għoddu tatu puplesija hekk kif Jason Azzopardi stqarr li Owen Bonnici, bħala ministru fil-gvern ta’ Joseph Muscat, huwa wkoll  sehem fir-responsabbiltà għall-assassinju ta’ Daphne.

Anke jekk wieħed jinjora l-fatt li Owen Bonnici kien wieħed minn dawk li lil Daphne kien jgħajjarha “blogger tal-mibgħeda” meta din kienet għadha mimlija bil-għomor u, wara l-qtil tagħha, kien jedha jiċċensura lil dawk li kienu jipprotestaw u jeżiġu t-twettiq tal-ġustizzja – skont l-Imħallfin tal-inkjesta, dawk il-ministri li naqsu li jġiegħlu lil Joseph Muscat ikeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi kellhom sehem fl-impunità li wittiet it-triq li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne. Pawlu Lia lbieraħ stqarr hekk: “Din hi r-raġuni l-għala hawn tant mibgħeda fil-pajjiż”. Stqarrija li mhi xejn ħlief waħda klassika ta’ trolling – tagħhom jixħtuh fuq spallejn ħaddieħor. Skont Pawlu Lia, ma żdiditx il-mibgħeda f’Malta meta Owen Bonnici kien jgħajjar ġurnalista bħala blogger tal-mibgħeda jew meta kien jiċċensura għal 500 darba lil dawk li kienu jipprotestaw bil-fjuri u x-xemgħat. Iżda skontu, min joġġezzjona għal din l-imġiba huwa ħati ta’ aġir sedizzjuż.

Qed insemmi dawn l-eżempji għaliex ħafna drabi lanqas biss nintebħu li ġrajjiet bħal dawn qed iseħħu kuljum. Kemm-il darba nilmentaw li d-diskors politiku f’Malta huwa wieħed superfiċjali, preġudikat, nieqes mis-sinċerità u mimli ħdura. U meta nagħmlu dan l-ilment, moħħna jmur dritt għal fuq il-kummenti li jsiru permezz tal-mezzi soċjali.

Iżda hawn jien ikkwotajt dak li qed jitlissen mill-mexxejja politiċi li suppost qegħdin hemm biex ikunu ta’ eżempju b’diskorshom. Bi kliemhom u bl-għemil tagħhom qed juru d-disprezz li għandhom għall-verità u qed juru n-nuqqas ta’ sinċerità li għandhom. Dawn jippretendu li l-partitarji tagħhom għandhom jagħmlu tabirruħhom li l-provi li jistgħu jaraw b’għajnejhom ma jeżistux, li jiddubitaw fatti sagrosanti u li, minflok jaħsbu b’moħħhom, iġibu ruħhom qishom merħla mogħoż.