Niksaħ meta niftakar bil-mod kif Ian Borg qiegħed kliemu meta tkellem favur il-ħtieġa tal-bini ta’ metro: ‘Jekk nibqgħu ma nagħmlu xejn, uliedna għad jisħtuna’. Qatt f’ħajti ma niftakar li kkwotajt lil Ian Borg dwar xi ħaġa li qbilt magħha. Jekk dak li qal Ian Borg jitneħħa mill-kuntest speċifiku tal-idea li tinbena metro u għal mument tinsa lill-imġiba tiegħu kemm ilu bis-setgħa f’idejh, ittemm bil-ħtija kollettiva tal-ġenerazzjoni tagħna.
Uliedi ta’ sikwit jirreferu għalija bħala “boomer”. Jekk b’din il-kelma jkunu qed jirreferu għal “baby-boomer”, ikunu qed jiżbaljaw b’madwar 12-il sena. M’iniex xiħ daqskemm ħasbu li jien, jew għallinqas nippretendi li m’iniex. Int u taqra r-riżultati tal-istħarriġ tal-EY li sar fost dawk li għandhom anqas minn 30 sena, tasal biex tifhem id-distanza li jħossu.
Araw x’inhi l-fehma tagħhom dwar il-pajjiż li għad jirtu mingħandna. Pajjiż li l-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex imħajrin li jibqgħu jgħixu fih. L-ilment ewlieni tagħhom hu li l-ambjent li għandna fil-pajjiż igiddeb il-fama li l-Maltin huma ffissati fl-indafa. Ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li lil uliedna litteralment ħrajnielhom fil-platt tal-ikel tagħhom.
Ma tlumhomx li jippreferu jgħixu lil hinn minn pajjiżhom. Lill-ambjent tagħna tant irnexxielna neqirduh li l-idea li l-pajjiż huwa xi ġenna fl-art ġibnieha fix-xejn. Sirna qisna ktieb mimli ritratti meħudin biex jaħbu l-krejnijiet u l-mostri tal-konkrit. Iżda s-sitwazzjoni hi agħar minn hekk. Iż-żgħażagħ li huma mħajrin ibewġu ‘l barra minn pajjiżhom qed jgħidulna wkoll li qatgħu qalbhom li għad jirnexxielna nirranġaw is-sitwazzjoni.
Mil-lenti dejqa tagħna l-boomers – jekk trid issejħilna hekk – dan huwa sinjal ta’ nuqqas ta’ tama. L-istħarriġ tal-EY juri li bosta minn dawk li ġew intervistati għandhom ambizzjonijiet intraprenditorjali. U aktar u aktar żgħażagħ qed jesprimu x-xewqa tagħhom li jkollhom in-negozju tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, din hi ħaġa tajba. Intraprenditur isib tarf il-problemi, ikattar l-innovazzjoni, jeqred l-istaġnar u jnebbaħ etika ta’ xogħol produttiv. Sa hawn, kollox sew.
Imma ejja nkunu onesti. Jekk inpoġġu t-tweġibiet pożittivi dwar l-ispirtu intraprenditorjali kontra l-isfond tat-tweġibiet li jippreferu jitilqu mill-pajjiż, tajjeb li neżaminaw jekk hemmx relazzjoni bejniethom. Żgħażagħ li qatgħu qalbhom mill-pajjiż qed jiġu sfurzati jfendu għal rashom. Qatt ma rajt ħaġa daqshekk tajba u ħażina fl-istess ħin.
Il-ħajja pubblika, fl-attiviżmu, fil-politika, fis-servizz pubbliku, fil-ġurnaliżmu, huma wkoll intraprenditorija. Il-mira tagħhom huwa l-ġid komuni u mhux il-gwadann personali. B’daqshekk mhux qed ngħid li s-servizz pubbliku huwa superjuri għall-intrapriża mmirata lejn il-profitt. Li qed nipprova ngħid hu li meta tkun qtajt qalbek li l-kontribut tiegħek għad jagħmel xi differenza fil-komunità tiegħek, tibda tara x’tista’ tagħmel fl-interessi personali tiegħek.
Il-paradoss jinsab hawn. Insewwed qalbi meta niftakar li l-ġenerazzjoni tiegħi wettqet din il-ħsara kollha lill-fiduċja ta’ dawk li ser jiġu warajna li jista’ jkollhom pajjiż aħjar. Huwa tassew dnub meta tisma’ li l-aqwa u l-aħjar imħuħ tal-pajjiż huma mħajrin li jitilqu u jabbandunaw il-wirt li dejjem sejjaħnielu tagħna għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Iżda wara kollox, jien inzertajt li għandi t-tfal u daqs kull ġenitur ieħor qed nittama li wliedi jsibu tarf tal-iżbalji. Imma ma rridx li jibqgħu mwaħħlin hawn mingħajr ħeġġa u effettwati mill-konsegwenzi tan-nuqqasijiet tiegħi. Irrid dak li huwa l-aħjar għalihom. Irridhom jgħixu ħajjithom mingħajr ma jkollhom għalfejn jagħmlu tajjeb għad-djun li akkumulaw tort l-għażliet ħżiena tiegħi u tal-ġenerazzjoni tiegħi.
Qabel ir-referendum tal-2003 dwar is-sħubija fl-UE, lilna li konna qed nagħmlu kampanja favur is-sħubija kienu qalulna li kien jeħtieġ li ntaffu l-biżgħat ta’ votanti anzjani li kienu inkwetati li s-sħubija kienet se tħajjar liż-żgħażagħ jitilqu minn Malta. Kien hemm xi ġenituri li kienu lesti jivvutaw kontra s-sħubija minħabba l-biża’ li jsifrulhom uliedhom. Bil-paċenzja kollha, kellna nispjegawlhom li l-libertà li wieħed imur jgħix band’oħra mhux bilfors kienet tfisser li ż-żgħażagħ kienu ser jitilqu. Fil-fatt il-biċċa l-kbira tal-Ewropej imutu fil-pajjiż fejn ikunu twieldu.
Meta nħares lura lejn dawk iż-żminijiet, nintebaħ li l-unika ħaġa li ġietna żewġ kienet dik li tajna lil uliedna ċ-ċavetta għall-bibien tal-Ewropa. Tajniehom id-dritt li, jekk jidhrilhom li m’għandhomx futur, li jitilqu minn dan il-pajjiż.
Peress li jien ma twilidx ilbieraħ, it-tama nista’ nħares lejha b’ċertu ċiniżmu. Huwa minnu li la Malta u lanqas barra minn xtutha m’hemm ġonna fl-art. Id-dinja qed tiġġennen. Għal bosta, l-’emigrazzjoni’ tfisser li tmur tgħix fir-Renju Unit – pajjiż li darba kien ix-xempju tad-demokrazija u tar-reżistenza qawwija kontra n-nazzjonaliżmu dejjaq. Illum m’għadux meqjus hekk. Għal bosta oħrajn, “l-Ewropa” kienet l-Italja, mingħajr l-għajjat faxxista ta’ numru dejjem jikber ta’ nies nostalġiċi għall-qomos is-suwed u l-vjolenza fit-toroq. Għal oħrajn, “l-Ewropa” kienet Franza, li minn mument għal ieħor tistenna li skandlu politiku ieħor ser iwassal għall-ewwel gvern ultra-lemini minn żmien Vichy.
Iż-żgħażagħ li wieġbu għall-istħarriġ ta’ EY ilmentaw dwar l-immaniġġjar irresponsabbli tal-ambjent u dwar il-ħsara irriversibbli fil-klima li ser iwasslu għal kriżi li ser tbiddel, teqred jekk mhux ukoll toqtol il-ħajja kif ilna nafuha għal sekli sħaħ wara mewtna. Imorru fejn imorru, ma tantx ser isibu wens.
Madankollu minn dan l-istħarriġ tal-EY joħroġ fatt wieħed. Jiġifieri li fallejna f’dak li ta’ sikwit ngħidu li hu l-iskop ta’ ħajjitna: li nħallu lil uliedna pajjiż aħjar milli konna writnieh aħna mingħand ta’ qabilna.
Nagħmlu x’nagħmlu, Ian Borg, uliedna diġà qed jisħtuna.