Żewġ letturi universitarji huma membri tal-kumitat maħtur mill-gvern sitt xhur wara li xxandru l-konklużjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex jipproponi “żviluppi” għall-qasam tal-ġurnaliżmu f’Malta.
Il-fehmiet ta’ dawn it-tnejn huma magħrufin sewwa l-opinjonijiet, u għaldaqstant wieħed jista’ jikkonkludi li ntagħżlu għal fuq il-kumitat li suppost għandu jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta appuntu għaliex ma jaqblux mar-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin.
Il-ħatra ta’ Saviour Balzan setgħet saret biex jiġi redikolat il-proċess jew għallinqas biex tgħarrqu f’ironija insopportabbli. Iżda l-ħatra ta’ Carmen Sammut u ta’ Saviour Formosa saret bil-għan li timmina l-proċess kollu.
Ejjew nagħtu daqqa t’għajn lejn artiklu li kitbet Carmen Sammut fl-2019 f’ġurnal f’Tel Aviv.
L-artiklu tbajjad b’tiċpisa akkademika iżda fil-verità huwa biss ripetizzjoni miktub b’lingwaġġ ifjen tal-litanija tal-One TV li Daphne Caruana Galizija bil-kitbiet tagħha kienet tweġġa’ u taħqar lin-nies, li kienet mostru elitista li kienet tintagħraf minn Friedrich Engels, li Joseph Muscat huwa nadif u vittma patetika tad-“demonizzazzjoni” u li l-idea li l-libertà tal-istampa f’Malta tinsab mhedda hija biss qlajja’ ta’ Matthew Caruana Galizia u ta’ sħabu, liema qlajja’ irnexxielhom ibellgħuha lil dawk iċ-ċwieċ ta’ The New York Times, The Guardian, La Repubblica u gazzetti oħra bħalhom ma jifhmux akka dwar il-ġurnaliżmu u dwar il-libertà tal-istampa.
Forsi qed taħsbu li qed inkabbarhom u li m’iniex qed inkun ġust. Tiżbaljaw jekk taħsbu b’dan il-mod. Iċċekkjaw għall-affari tagħkom. Din Carmen kienet kitbet kapitlu li jġib l-isem Media, Freedom of Speech and Democracy in the EU and beyond. Intom u tqallbu għandkom issibu research paper numru 10 li fiha bejn wieħed u ieħor 158 paġna. U l-artiklu ta’ Carmen Sammut jasal biex iqallagħlek l-istonku.
Il-kelma “gidba” ma ssibha mkien. Iżda tgħid li kienet biss “narrativa” l-idea li Daphne nqatlet għax ħadmet ta’ ġurnalista u li l-qtil tagħha kien riżultat tal-fatt li l-libertà tal-istampa f’Malta tinsab mhedda. Il-kelma ‘narrattiva’ hija biss kelma pulita użata mill-akkademiċi. F’dan il-kuntest il-kelma ‘narrattiva’ ma tfissirx storja iżda tfisser storja li mhix vera jew li hi vvintata. Għalhekk iva, skont Carmen Sammut, l-idea li Daphne nqatlet u għaldaqstant jeħtieġ li tiġi indirizzata t-tema tal-libertà tal-istampa hi, minnha nfisha, gidba.
Dan huwa l-oppost ta’ dak li kkonkludew l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne. Huwa wkoll mod kif il-gvern ikun jista’ jserraħ moħħu li r-restrizzjonijiet li jeżistu f’Malta fuq il-libertà tal-istampa, mhux talli jibqgħu bla mittiefsa, iżda saħansitra jkomplu jissaħħu bl-iskuża ta’ “araw, waqqafna Kumitat ta’ Esperti!”
Dan li ġej huwa ftit mill-għerf li kienet ħarġet bih fl-artiklu:
- “Ir-rwol ta’ Daphne jinftiehem aħjar mill-Elite Theory fejn ġemgħa żgħira ta’ individwi jippretendu li għandhom dritt għas-setgħa mhux biss minħabba l-privileġġi materjali li jgawdu iżda wkoll għaliex mingħalihom li għandhom xi superjorità intellettwali u morali”.
- “Fil-proċess weġġgħet ħafna nies, inklużi individwi privati u xi ġurnalisti oħrajn. Jeżistu bosta eżempji ta’ persuni li sofrew minħabba l-kitbiet tagħha li kellhom biss l-għan li jeqirdu l-moral u r-reputazzjoni tagħhom jew li jikkundizzjonaw l-imġiba privata jew pubblika tagħhom”.
- “Bosta mill-attakki kienu diretti lejn nisa Laburisti, ħaġa li ftit li xejn tagħmel sens għax hi kienet mara weħidha”.
- “In-narrattiva u l-metodi tagħha kellhom għeruq fil-qasma antika partiġġjana. Kull darba li għamlet użu mill-‘paniku morali’, immanipulatu skont l-aġenda tagħha”.
- “Kien biss grazzi għall-isforzi ma jaqtgħu xejn ta’ Matthew Caruana Galizia li l-ġurnalista assassinata llum hi meqjusa madwar id-dinja bħala martri tal-libertà tal-istampa”. Fi kliem ieħor, din insinwat li Daphne ma ħaqqhiex dan ir-rikonoxximent.
- “Is-solidarjetà u l-bilanċ li kienu meħtieġa f’dan il-mument hekk delikat u ta’ niket (eżatt wara l-qtil ta’ Daphne), inbidel hekk kif feġġet narrattiva ġdida; dik li rabtet il-mewt tagħha mal-korruzzjoni u mal-impunità, liema narrativa niżlet għasel mal-ġurnalisti internazzjonali”. Hemm reġgħet tfaċċat il-kelma ‘narrattiva’. Aqra u ifhem: ir-rabta li saret bejn il-qtil ta’ Daphne u l-korruzzjoni u l-impunità hi biss gidba.
- “L-istampa internazzjonali strieħet biss fuq numru żgħir ta’ għejjun u ftit li xejn ippruvat tifhem is-sitwazzjoni lokali”.
- Hi u tikkonkludi, Carmen Sammut tidentifika min, fil-fehma tagħha, huma l-veru vittmi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia: “Waqt li tajjeb li l-ġurnaliżmu jiġi mħares, tant waqajna f’livell baxx li l-politiċi huma mpinġijin bħala nies li jfittxu biss l-interessi tagħhom, li moħħhom biss biex jiġbdu lejhom u li huma f’sakra korrotta tal-poter f’xenarju li hu għal kollox demokratiku”.
Robert Abela għażel eżatt lil min jeħtieġ. Waħda li se tara li l-politiċi jiġu mħarsa mill-kritika ta’ ġurnalisti antipatiċi u diżgustanti bħalma kienet Daphne Caruana Galizia, u l-oħra biex jiġi żgurat li l-politiċi ma jitqisux korrotti daqs kemm iriduk temmen li huma l-omm u l-iben Caruana Galizia.
Hemm kelma li tfisser sewwa attitudni bħal din: Carmen Sammut mhi xejn ħlief apoloġista.
Kif inhu wkoll Saviour Formosa.
Artiklu li nkiteb fl-2019 minn Saviour Formosa diġà ktibt dwaru. Kien ixxandar fit-Times of Malta, li jfisser li ma kienx hemm bżonn xi bibljografija estensiva biex jgħaddi mill-għarbiel. Mill-mod kif inkiteb, jixbah artiklu miktub minn xi uffiċjal ta’ wara l-muntanji fil-Korea ta’ Fuq wara li tkun għadha kemm tħabbret il-mewt ta’ wieħed li jġib il-kunjom Kim. Ma nafx Saviour Formosa għandux biżżejjed amor propju biex jiddikjara s-sogħba tiegħu għall-imbarazz apokalittiku li kien kiteb.
Kien wera n-niket tiegħu li Joseph Muscat ddeċieda li jwarrab u dan wara li dawk li Carmen Sammut identifikathom bħala “ġemgħa żgħira ta’ nies li jippretendu li għandhom dritt għall-poter mhux biss minħabba l-privileġġi materjali li għandhom iżda wkoll għaliex jippretendu li għandhom xi superjorità intellettwali u morali”, ġiegħluh iċedi l-poter wara sensiela ta’ protesti fil-ġimgħat qabel inkiteb l-artiklu.
M’iniex se nkun jien li noqgħod infaħħar li min jikteb fil-qosor, iżda xi ħadd ħareġ bi frażi li tiddeskrivi wisq aħjar “il-ġemgħa żgħira ta’ nies li jippretendu li għandhom dritt għall-poter mhux biss minħabba l-privileġġi materjali li għandhom iżda wkoll għaliex jippretendu li għandhom xi superjorità intellettwali u morali”. Robert Musumeci lilna jsejħilna “aktar kattoliċi mill-Papa”.
Filwaqt li jibki t-telfa ta’ Joseph Muscat, Saviour Formosa jikteb: “Issa li s-setgħa eżekuttiva ġġarrfet, hemm il-ħtieġa ta’ nies qalbiena biex iqajmuha fuq saqajha – dawk li jwerżqu jew dawk li reġgħu saru verġni jew jippretendu li huma qaddisin mixjin fl-art mhumiex meħtieġa. Huma meħtieġa biss l-imħuħ mimlijin għerf.”
Tgħid ma kienx ċar biżżejjed meta tkellem dwar “dawk li jwerżqu”? Saviour Formosa jneħħilek kull dubju, ma jmurx ikun hu li jgawdi minnu: “Intefa’ l-melħ fuq il-ferita permezz tas-soċjetà ċivili, li tfaċċat għal għarrieda suppost għal raġuni tajba, iżda li tniġġset mill-politika u b’membri li għandhom passat dubjuż… Nerġa’ ngħid, is-sitwazzjoni mhix qed tiġi mgħejjuna mill-ġurnaliżmu li qed jikkompeti mal-mezzi soċjali antiki hi u tfajjar il-gideb u, agħar u agħar, in-nofs-veritajiet.”
Dan Saviour huwa l-bniedem li nħatar fuq il-kumitat biex jipproponi miżuri ta’ titjib għal-libertà tal-istampa. Iżda, bħal ma jħobb jagħmel Trump, lill-ġurnalisti li kixfu lil Joseph Muscat u li tant ħammrulu wiċċu li kellu jwarrab, qed jixlihom b’fake news.
Ara ma jfettlilkomx taħsbu għal mument wieħed li dan inkiteb sforz il-fatt li dak iż-żmien Saviour Formosa kien jinsab f’luttu, u li forsi kliemu kienu frott is-saħna tal-mument.
Ftit ġimgħat ilu, waqt li attivisti ta’ Repubblika kienu qed jipprotestaw b’mod paċifiku, imxarrbin għasra kif kienu f’xita bla waqfien quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija, Saviour Formosa kien ħareġ għonqu biex jappoġġja lil Angelo Gafà. Kien widdeb pubblikament lid-dimostranti għaliex, skontu, il-“metodi” tagħhom għandhom l-għan li “jħammġu karrieri u reputazzjonijiet sforz għanijiet politiċi baxxi u maħmuġin.”
Il-jum qabel ma nħatar għal fuq dan il-kumitat, il-mara ta’ Saviour Formosa nħatret bħala membru tal-Awtorità l-ġdida tal-Kannabis. Din jisimha Janice Formosa Pace, li ftit ilu ssemmiet fl-aħbarijiet meta rriżenjat mill-bord tal-gvernaturi tal-ħabs biex imbagħad inħatret fl-istess jum bħala membru ta’ inkjesta dwar il-governanza fil-ħabs.
Qabel tinfexxu f’xi bikja, isimgħu din. Il-mara ta’ Saviour Formosa nħatret fuq l-istess bord ma’ oħt Saviour Balzan – li kien maħtur fuq l-istess bord ma’ Saviour Formosa – u li ser ikun qed imexxi.
Il-gvern jaf sewwa liema huma s-Salvaturi li ser isalvawh mill-marda mxajtna tal-libertà tal-kelma.